A’ La Turca

minn Bżar u Melħ

Mill-isem ta’ dan ir-ristorant, ma kellix dubji dwar l-etniċità tal-ikel li kont se niekol.

Fil-fatt, A’ La Turca joffru ikel li sar tipiku għal ristoranti bħal dawn li nibtu f’diversi partijiet tal-pajjiż. Fil-fatt, għandi dubju jekk hawnx Malti li għadu ma daqx l-ikel Tork xi darba jew oħra. Jien inzertajt wieħed minn dawk li nispiċċa nduqu spiss għax nammetti li nħobbu mhux ftit. 

Ikolli nammetti li l-atmosfera ta’ dan ir-ristorant mhijiex mill-aqwa, imma l-ikel bellezza. 

Għandhom għażla sabiħa ta’ ikel Tork bħal Doner Kebabs, Shish Kebabs u Lamb Kofte (tip ta’ pulpetti). Jien ħadt Lamb Adana li jiġi b’erbgħa tipi ta’ salads jakkumpanjawha. Miegħu ħadt couscous, qara bagħli moqli, taħlita tat-tadam u bżar aħmar, pastard, u tabbouleh. Din tiġi wkoll bil-ħobż pita. Bħala deżerta ħadt il-baklava. Hu joffri wkoll 14-il varjetà ta’ pizza u anke bergers.

Xorb għandhom soft drinks, varjetà tajba ta’ nbejjed u alkoħol ieħor, u importanti għalija, kafè tajjeb. Jien ħadt kafè Tork iżda dan trid issaqsi għalih għax mhuwiex offrut fuq il-menu, sfortunatament.

Hemm xi postijiet li jġagħluk tiġi taqa’ u tqum mill-atmosfera għax l-ikel ipatti għal kollox. A’ La Turca mhux eżattament f’dik il-kategorija imma jersaq viċin. U għalkemm l-atmosfera xtaqtha li kienet aħjar, fl-istess ħin naf żgur li se nerġa’ mmur hemm minħabba l-ikel u dan għalija huwa l-aħjar ċertifikat għal ristorant.

Xi sidien ta’ restoranti għandhom il-filosofija li jekk l-ikel tajjeb u ġenwin, il-klijenti se jiġu u jerġgħu jiġu. In-nies mhux se jieklu l-atmosfera, jgħidulek. U għandhom raġun – imma sa ċertu punt biss. Għaliex l-ikla għandha tkun esperjenza tas-sensi kollha u mhux biss tat-togħma. Kif l-ikel jiġi ppreżentat, is-servizz u l-aġir tal-istaff, kif il-mejda tkun attrezzata, kif il-post ikun dekorat, il-kuluri li jintużaw, u t-tip u volum ta’ mużika li tkun qed tindaqq huma importanti wkoll. U d-dekor għandu jikkumplimenta l-ikel li jkun servut f’dak ir-ristorant. U partikolarment dan ir-restorant, bil-kultura rikka Torka, qed jitlef opportunita tad-deheb. Ċertament m’hemmx skużi.

Biex inkun ġust magħhom dan ir-restorant jidher li għandu aktar negozju bit-‘take outs’ u huma attrezzati sewwa għal dan, u għalhekk l-investiment fl-atmosfera jagħmel ftit anqas sens meta l-maġġoranza tal-klijenti tiegħek jagħmlulek biss ħames minuti hemm. Iżda s-sidien tiegħu jeħtieġ jiftakru li dawk in-nies li fil-fatt iridu jpoġġu bilqiegħda u jgawdu l-ikla ta’ nofsinhar, iridu naqra ta’ atmosfera. Għax kemm se ddum tiċċassa lejn ħitan ħomor u mwejjed blu u tisma lil Britney Spears twerżaq fil-background. Speċjalment meta, bi ftit mijiet ta’ euro, jistgħu jġibu l-isbaħ attrezzaturi mis-swieq ta’ Istanbul u tal-anqas żewġ CDs b’mużika Torka. Ir-restorant huwa pjuttost kbir u hija ħasra li l-ispazju ma jagħmlux l-aħjar użu minnu.

A La Turca jinsab fi Triq tal-Balal, San Ġwann, u jiftaħ bejn il-11 ta’ filgħodu u nofsilejl.

More in Socjali