Jonqsu bin-nofs it-telefonati foloz lill-emerġenza

Il-Pulizija irċeviet 3,500 telefonata falza fuq il-linja tal-emerġenza 112

Il-Pulizija qalet li rċeviet 3,500 telefonata falza fuq il-linja tal-emerġenza, 112 matul is-sena l-oħra li huwa tnaqqis bin-nofs tal-ammont li rċevew fl-2014 fejn kien hemm 7,000 telefonata.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li għalkemm huwa pożittiv li dan naqas bin-nofs, in-numru ta' dawn it-telefonati għadu għoli wisq. Dan qalu waqt attività fl-iskola primarja taż-Żejtun sabiex titqajjem iktar kuxjenza u promozzjoni ta' din il-linja ta' emerġenza.

"It-telefonati foloz huma reat għaliex tkun qed iżżomm il-pulizija milli jirrispondu t-telefonati leġittimi," żied jgħid Abela.

B'kollox, il-Pulizija irċeviet total ta' 453,306 telefonata fuq il-linja tal-emerġenza, bl-akbar ammont ikun f'Lulju (46,431) u l-inqas fi Frar (33,000).

Qal ukoll li 19,000 telefonata kienu saru bi żball, b'ħafna min-nies riedu jċemplu lil-linja tad-direttorju tat-telefon. Fl-istess waqt, il-ħin medju tad-dewmien biex telefonata tiġi mwieġba, kien biss ta' seba' sekondi.

More in Socjali