Prezzijiet ogħla jew prodott iżgħar minħabba n-nuqqas ta’ xita

‘Dawn il-kaċċaturi huma arditi tal-għaġeb’ - George Agius (bidwi) li jgħid li jidħlu fl-egħlieqi u jgħaffġu l-prodotti

 

Din ix-xitwa damet ftit ma waslet ix-xita f’pajjiżna. Għal bosta nies din mhux aħbar ħażina, anzi pjuttost jieħdu gost biha imma għall-bidwi dan jista’ jfisser diżastru. Fil-fatt meta l-ILLUM marret sas-suq agrikolu f’Ta’ Qali u tkellmet mal-bdiewa dawn spjegaw kif għax-xhur li ġejjin il-konsumatur Malti se jesperjenza żieda fil-prezzijiet tal-ħaxix u frott lokali.

Salvu Gauci, bidwi anzjan li għandu l-għalqa tiegħu fil-Manikata, qal li minħabba n-nuqqas ta’ xita se jkun hemm ħafna inqas prodotti u għalhekk il-prezz għandu jogħla. George Agius, bidwi ieħor li jaħdem l-art fl-inħawi qrib tar-Rabat, qabel ma’ Gauci dwar dan. Iżda huma fakkru wkoll kif il-bdiewa għandhom problema li hekk kif il-prezz jiżdied, dawn il-prodotti jiġu impurtati minn barra għal prezz irħas lill-konsumatur. Madankollu, il-konsumaturi jridu japprezzaw li l-prodott impurtat jintuża ħafna aktar bexx fuqu u dan jaf jikkontribwixxi għall-kanċer, qalilna Gauci.

Agius qal li l-ilma li kien ippjana li juża fis-sajf, issa qed jużah fix-xitwa. Hekk kif jasal is-sajf, mhuwiex ċert li se jkun hemm biżżejjed ilma x’juża. Anke l-ftit xita li għamlet dan l-aħħar ma tantx għenet is-sitwazzjoni għax kienet akkumpanjata minn ħafna riħ li nixxef l-ilma qabel ma’ dan kellu ċans jipperkola fil-ħamrija, sostna Agius.

Joseph Fenech, bidwi ieħor minn Ħaż-Żabbar, qal li fil-każ tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ ilma, ikollu jaħsad il-prodott qabel iż-żmien u jwasslu fuq is-suq xi xahar qabel. Dan iffisser li l-prodott ikun ta’ daqs iżgħar min-normal u għalhekk dan ikollu jinbiegħ irħas. B’hekk, hu u bdiewa bħalu se jdaħħlu anqas flus.

Fenech qal li mingħajr dubju, il-prodott Malti għandu togħma superjuri għall-prodott impurtat imma ħafna min-nies imorru għall-prezz u mhux neċessarjament għall-kwalità. Bħala eżempju hu semma li l-basal tagħna għandhom aktar ħruq minn dawk impurtati.  

Problemi kbar fis-settur u ftit għajnuna mill-Gvern

Il-bdiewa li kellimna kollha qablu li hemm diversi problemi fis-settur u jidher li m’hemmx strateġija serja fuq kif dawn se jiġu indirizzati.

L-ammont kbir ta’ ġrieden hija problema li mhix tiġi indirizzata bis-serjetà mistħoqqa. Dawn mhux biss jattakkaw il-prodott imma jgerrmu wkoll il-pajpijiet tal-irrigazzjoni biex jaslu għall-ilma, bi spejjeż kbar għall-bdiewa, qalilna Agius.

Il-kompetizzjoni mill-prodott barrani hija problema oħra li semmew il-bdiewa kollha li tkellimna magħhom. Fenech issuġġerixxa li l-awtoritajiet tas-saħħa jeżaminaw dawn il-prodotti impurtati biex jistabilixxu kemm fihom ammonti ta’ bexx fuqhom u kif dan jista’ jaffettwa saħħet il-konsumaturi.

Fenech semma li d-Dipartiment tal-Agrikoltura jrid jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu bis-serjetà. Il-bidwi qed jagħmel il-biċċa tiegħu iżda diffiċli għall-bdiewa Maltin jaħdmu fil-kundizzjonijiet ħarxa ta’ pajjiżna u wkoll jikkompeti mal-prodott barrani, bis-sussidji kollha li l-bdiewa Ewropej jirċievu. Id-Dipartiment tal-Agrikoltura jrid jaċċerta li żbalji bħall-impurtar ta’ żerriegħa tal-patata marida ma jirrepetux ruħhom għax dan ifisser telf kbir għall-bidwi li ma’ jistax jesporta dan il-prodott, wieħed mill-ftit prodotti li għadhom jiġu esportati minn dan is-settur.

Madankollu, l-akbar problema li qed jiffaċċja s-settur huwa li l-bdiewa li għandna llum huma kważi kollha anzjani. Iż-żagħżagħ m’għandhomx interess fil-biedja u Agius qal li ma tlumhomx it-tfal, għax ix-xogħol huwa iebes u ma jrendix ħafna qligħ. Għalhekk dawn qed ifittxu impjiegi oħra li jħallsu aħjar għal anqas taħbit. Hu qal li ma jafx x’se jiġri mill-biedja Maltija tletin sena oħra wara li nitilfu din il-ġenerazzjoni ta’ bdiewa, li ħafna minnhom diġà qegħdin fis-sittinijiet. Fenech qal li grazzi għall-immigranti, il-bdiewa qed isibu min lest jaħdem l-għelieqi biex jitimgħu lill-Maltin bi prodott ġenwin.

Agius qal li problema serja oħra hija l-attitudni ta’ xi kaċċaturi li m’għandhom l-ebda rispett għar-raba’. “Dawn il-kaċċaturi huma arditi tal-għaġeb. Dawn jidħlu fir-raba’ bil-klieb tagħhom u jgħaffġu l-prodott li l-bidwi kien qed ikabbar b’tant kura u paċenzja. Jekk ma jolqtukx waqt li tkun qed taħdem fl-għalqa, qed jimlew l-għelieqi tagħna biċ-ċomb,” sostna George Agius. Huwa fatt magħruf li ċ-ċomb fil-ħamrija jaf ikun problema serja għal saħħet il-bniedem ukoll. Dawn jinkludu ħsara fil-moħħ u s-sistema nervuża, problemi fis-sistema riprodattiva u anke wġigħ fil-muskoli u l-ġogi.

More in Socjali