Iktar minn €300,000 f'restawr għal 5 Kunsilli Lokali

Jibbenefikaw ħames kunsilli lokali f'restawr fil-lokalitajiet tagħhom

Ħames Kunsilli lokali sejrin jibbenefikaw minn b’kemm jiswew €300,000 f’xogħol ta’ restawr li se jsir mid-Direttorat għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt li żar ix-xogħlijiet li qed isiru mill-ħaddiema tal-istess direttorat fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo spjega kif 36 kunsill lokali applikaw sabiex jibbenefikaw mill-iskema fejn id-Direttorat għar-Restawr jipprovdi l-ħaddiema u l-materjal kollu għal dan ix-xogħol. Minn dawn, ġew magħżula ħames kunsilli li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ fil-kriterji tal-iskema. Dawn huma l-Ark Trijonfali ta’ De Rohan f’ Ħaz-Żebbuġ, il-Kappella tal-Madonna ta’ Porto Salvo fil-Ħamrun, l-istatwa ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa, il-Kappella tal-Gharghar f’San Gwann u l-kappella Santa Luċija f’Santa Luċija. Ix-xogħol kumplessiv fuq dawn il-proġetti huwa stmat li jiswa’ madwar €300,000.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo faħħar lid-direttorat għax-xogħol siewi tiegħu fuq diversi binjiet u monumenti storiċi madwar Malta u Għawdex, u fakkar kif “il-konservazzjoni ta’ dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin jgħinna nsaħħu l-identità tagħna bħala poplu, jgħaqqadna mal-passat tagħna u ma’ missirijietna, u jagħti l-karattru lill-ibliet u l-irħula tagħna.” Is-Segretarju Parlamentari Buontempo spjega li dawn il-binjiet huma mfittxijin ħafna mit-turisti li jinteressawhom l-arti u l-kultura u li dan it-tip ta’ turiżmu qed kull ma jmur jiżdied.

“Kien għalhekk li nvolvejna direttament lill-Kunsilli Lokali sabiex jidentifikaw il-binijiet jew monumenti li jixtiequ li jsir restawr fuqhom u l-għażla kienet ibbażata fuq ir-Relevanza Storika u artistika tal-binja, l-istat ta’ konservazzjoni u l-viżibilità tas-sit. Il-ħsieb ta’ dan il-Gvern huwa li għall-edizzjoni li jmiss ta’ din l-iskema jkollna aktar kunsilli lokali li japplikaw u jibbenefikaw minn din l-għajnuna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Buontempo.

More in Socjali