Edgar Preca jniedi l-Festa taċ-Ċitru

'Attività għall-familja kollha li tfakkar l-importanza tal-Vitamina Ċ

Illum, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, is-Sur Edgar Preca flimkien mas-Sur John Camilleri, Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund nedew ‘Festa taċ-Ċitru 2016’, b’risq The Malta Community Chest Fund. Il-Festa taċ-Ċitru se ssir nhar il-Ħadd li ġej, mid-disgħa ta’ filgħodu ‘il quddiem, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Preca ngħaqad ma’ grupp ta’ tfal mill-iskola primarja ta’ Ħal Qormi San Bastjan, biex flimkien jaqtgħu l-larinġ mis-siġar tal-Palazz ta’ Sant’Anton.

F’diskors qasir lit-tfal u lil dawk preżenti, is-Sur Edgar Preca stqarr li m’hemm xejn isbaħ milli ngħinu lil ħaddieħor, u qal lit-tfal biex iħaddnu dan il-valur anke mill-iskola stess, billi jgħinu lil sħabhom fil-bżonn.

Is-Sur Preca ddeskriva l-Festa taċ-Ċitru bħala attività għall-familja kollha u fakkar lit-tfal fuq l-importanza tal-vitamina Ċ fid-dieta tagħhom.

Waqt il-Festa Ċitru se jinbiegħ ikel tradizzjonali Malti u ħelu mill-kċina tal-Palazz, u larinġ frisk magħsur. Minbarra attività fil-bitħa tal-Palazz, se jsiru wkoll tours tal-Palazz, u se jkun hemm divertiment għat-tfal ġewwa l-Kitchen Garden. Se jkun hemm ukoll għadd ta’ stalls ibigħu prodotti ta’ artiġjanat Malti, filwaqt li se jkun hemm għall-bejgħ ukoll il-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ u l-ktieb ‘Għażiża 2014’ ta’ Federica Falzon, li l-qligħ kollu minnu se jmur għal The Malta Community Chest Fund.

Il-Festa taċ-Ċitru hija sponsorjata mill-kumpanija GO. Kurt Camilleri, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO, qal, ‘‘Għal darb’oħra GO qed toffri l-appoġġ tagħha lill-Festa taċ-Ċitru bħala parti mill-impenn tagħha lill-Malta Community Chest Fund (MCCF). Minbarra li toffri għajnuna finanzjarja konsiderevoli, GO tipprovdi lill-Fond bil-ħtiġijiet kollha tal-komunikazzjoni, fosthom għal waqt il-maratona annwali tal-Istrina. Il-Ħadd li ġej, il-familji li jżuru San Anton se jkunu jistgħu jżuru l-istandta’ GO fejn se jkun hemm divertiment mużikali u smoothies tal-larinġ frisk li se jinbiegħu b’donazzjoni ta’ €2 b’risq il-MCCF.’’

Id-dħul għall-Festa taċ-Ċitru huwa bla ħlas, u l-introjtu mill-bejgħ tal-prodotti se jsir b’risq il-Malta Community Chest Fund.   

More in Socjali