Noffri.com - toffri ħin minflok flus, tidħol f'fażi ġdida

Il-kampanja ‘Noffri.com’ tidħol fil-fażi li jmiss

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ grupp ta’ rappreżentanti minn għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi li ġew identifikati minn nies li offrew il-ħin tagħhom waqt il-maratona għall-inizjattiva ‘Noffri.com’ fil-programm Xarabank, f’Ottubru 2015.

Il-President qalet lil dawk preżenti li permezz ta’ din l-inizjattiva “irridu nkunu katalisti sabiex il-komunità tagħna tifhem aktar x’inhi l-ġenerożità: li ma tfissirx biss li tagħti l-flus”. Spjegat li meta persuna tagħti ħinha, tkun “qed tagħti xi ħaġa lura lill-komunità, u b’dan il-mod din il-persuna tkun parteċipant biex jinħolqu komunitajiet aktar armonjużi”.

Elaine Agius, koordinatriċi ta’ Noffri.com spjegat li d-donazzjonijiet kollha ġew analizzati b’reqqa, u li dawk li speċifikaw is-settur minflok għaqda partikolari, ġew ikkuntattjati għal aktar informazzjoni, wara li ġiet ikkumpilata lista komprensiva tal-għaqdiet lokali kollha fis-setturi varji tagħhom. ‘Il fuq minn 3,000 ruħ offrew mill-ħin tagħhom għal setturi varji jew għaqdiet b’mod speċifiku.

Dawk l-għaqdiet fi bżonn ta’ għajnuna volontarja minn dan il-bank tas-sigħat, jistgħu jagħmlu kuntatt fuq 21 255 255, għal aktar informazzjoni.

Noffri.com tnediet f’Ottubru 2015 b’kollaborazzjoni ma’ Citadel Insurance, iSupport Ltd u l-programm ‘Xarabank’.

More in Socjali