Ir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku huma 'diżastru' għall-istudenti tal-Università

Studenti jilmentaw li r-rotot tneħħew, tnaqqsu jew twal il-vjaġġ

Bil-bidla fir-rotot tat-trasport pubbliku, l-istudenti tal-Università, fost diversi gruppi ta' nies oħra, qed jilmentaw li s-servizz issa laħaq livelli 'diżastrużi'. L-istudenti qed jilmentaw li l-vjaġġ tagħhom lejn l-Università u lura issa sar ferm itwal, biż-żieda ta' bosta waqfiet ġodda, jew saħansitra f'xi każi rotot saru inqas frekwenti jew saħansitra tneħħew kompletament.

Dan ġie rrappurtat fil-gazzetta MaltaToday, fejn bosta studenti universitarji li tkellmu mal-istess gazzetta ilmentaw fuq is-servizz. Fosthom kien hemm Johann Agius li huwa student tal-liġi u l-persuna wara l-petizzjoni online li qed titlob li r-rotot jerġgħu jmorru lura għal kif kienu qabel l-20 ta' Diċembru li għadda. Din il-petizzjoni diġà laħqet iktar minn 1,300 firma. Agius sostna li s-servizz issa sar 'diżastru' għall-istudenti.

Minħabba t-tibdil riċenti tar-rotot, bosta rotot, fosthom ir-rotta 35, li mill-Belt Valletta kienet tieħdok fiż-żona ta' San Ġwann, u allura l-Università, twaqqfet għal kollox. Dan filwaqt li bosta rotot diretti mill-bliet u l-irħula, twalitilhom id-distanza minħabba li qed jgħaddu minn toroq differenti, li ħafna minnhom huma iktar traffikużi minn dawk li kienet tgħaddi minnhom qabel, bil-konsegwenza li l-vjaġg f'xi każi, saħansitra rdoppja fil-ħin li jieħu.

Studenti Għawdxin kienu fost dawk li l-aktar ilmentaw minħabba li r-rotta X1 li kienet teħodhom miċ-Ċirkewwa, dritt l-Università, issa qed tidħol il-Mellieħa u mhux qed tieqaf Mater Dei, b'injkonvenjent kbir ghall-istudenti tal-mediċina li jattendu l-Università fl-Isptar stess.

Fl-istess waqt, il-karozzi tal-linja sar jispiċċalhom il-vjaġġ biswit l-Università u mhux quddiem l-Isptar kif kien qabel, bil-konsegwenza li l-karozzi tal-linja qed jiġu mitfugħa jistennew fit-triq ta' quddiem l-Università sakemm isir il-ħin tal-vjaġġ, u għaldaqstant it-triq tkun kważi imblukkata b'diffikultà għal persuni li jgħaddu minn hemmhekk bil-karozza tagħhom.

Dan jiġi waqt li l-kap maniġerjali ta' MTP, Konrad Pulè saħaq li r-rotot għad iridu jindraw, meta kien mistoqsi dwar l-ilmenti tas-servizz preżenti.

More in Socjali