Pożittivi dwar il-liċenzjar tal-aġenti tal-proprjetà

“Miżura bħal din, mingħajr ebda dubju, twassal għal standards ogħla”---Douglas Salt

Il-bidliet proposti mill-Gvern għas-settur tal-proprjetà li żvelat din il-gazzetta fil-ħarġa tat-13 ta’ Diċembru 2015, intlaqgħu b’mod pożittiv minn numru ta’ nies li jaħdmu fl-istess settur. Fil-fatt, għall-mistoqsijiet tagħna, kemm id-Direttur tal-kumpanija Frank Salt, Douglas Salt, kif ukoll il-Marketing Manager tal-kumpanija Dhaila, Chris Bonnett qablu li l-proposta biex kull aġent tal-proprjetà jkun liċenzjat, għandha tassigura kwalità aħjar fl-industrija.

Il-White Paper li se tkun ippublikata aktar tard dan ix-xahar hija mmirata li ttejjeb u tirregola s-suq tal-proprjetà, tant li l-Gvern se jkun qed jipproponi l-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ prattika li għandhom iwasslu biex kull persuna li taħdem f’dan is-settur tkun liċenzjata fil-bejgħ tal-proprjetà.

Meta mitlub jikkumenta, Bonnett qal li “naqblu żgur mal-proposta għax hija mod tajjeb ta’ kif tirregola l-industrija.” Hu żied jgħid li anke jekk il-kumpanija li tagħha huwa impjegat toffri t-taħriġ meħtieġ lil dawk li jkunu jixtiequ jsiru aġenti, “il-proposta ta’ liċenzja hija pożittiva ħafna għax taċċerta li min qed joffri s-servizz ikun kwalifikat u min qed jingħata s-servizz ikollu ċertu ċertezza ta’ kwalità ppruvata.”

Intant Douglas Salt, filwaqt li qal li huwa xi ftit prematur biex jgħaddi kummenti dwar il-proposti li għad iridu jkunu ppubikati b’mod uffiċjali, saħaq li l-idea ta’ liċenzjar hija waħda tajba. “M’għandna l-ebda oġġezzjoni għal-liċenzjar minħabba li miżura bħal din, mingħajr ebda dubju, twassal għal standards ogħla kemm-il darba tkun infurzata u mmonitorjata kif suppost.”

L-ILLUM kienet żvelat kif il-White Paper li se tkun mressqa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kompettitività u Tkabbir Ekonomiku, se tkun qed tħares lejn diversi prattiċi fosthom il-kiri, bejgħ kummerċjali, il-maniġment tal-kondominju u l-bejgħ internazzjonali. L-istess White Paper se tkun qed tikkunsidra t-twaqqif ta’ organizzazzjoni li se tkun qed tivverifika li fil-fatt, dawn il-kodiċi qed ikunu segwiti filwaqt li tippromovi l-professjoni permezz ta’ taħriġ u edukazzjoni professjonali.

Meta kien tkellem mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera kien spjega kif il-Gvern jemmen fl-ogħla livell ta’ protezzjoni. Huwa aċċerta li mhux l-għan tal-Gvern li jitfa’ xi dell fuq ix-xogħol li qed isir mill-aġenti, “imma nemmnu li issa huwa ż-żmien li nirregolaw din l-industrija wara diskussjoni wiegħa mal-istakeholders.”

Intant l-ILLUM kienet żvelat ukoll kif is-sensara se jkunu esklużi minn dawn it-tibdiliet.

Din il-White Paper mressqa mill-Gvern se tkun ippublikata fi żmien meta is-settur għaddej minn perjodu tajjeb ħafna, speċjalment fejn jirrigwarda il-qasam tal-kiri.

 

More in Socjali