'Mhux bilfors tfisser li Angelik qed iqarraq. Jista’ jkun li vera qed jara xi ħaġa' - Peppi Azzopardi

Peppi jgħid li personalment ma jsib ebda problema li ċertu nies jibqgħu jemmnu fid-dehriet ta' Angelik

 l-ILLUM ħadet il-kummenti tal-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi dwar l-aħħar żviluppi fil-każ ta' Angelik wara li mexxa numru ta’ programmi li trattaw l-istess każ. Fil-fatt kien permezz tal-programm Xarabank li l-każ ta' Angelik kien sar iktar magħruf u popolari mal-Maltin u l-Għawdxin. 

Peppi Azzopardi fakkar kif waqt l-istess programm li jippreżenta, l-espert forensiku Dr Abela Medici kien sab li l-melħ li nstab taħt l-istatwa tal-Madonna kien tal-ikel u li d-demm li ħareġ minn għajnejha kien ta’ Angelik stess. “Meta aħna tlabna li jkollna kamera 24 siegħa mal-istatwa u kellna tweġiba li l-Madonna ma riditx dan bdew id-dubji.”

Minkejja dan, Azzopardi jiftakar mument partikolari “meta quddiemi rajt lil persuna taħraq saqajn Angelik b’mod goff ħafna. Imma dan kien f’estasi u ma beda jħoss assolutament xejn.

Huwa qal li jifhem il-konklużjonijiet tal-Kurja għalkemm żied jgħid li, “din mhux bilfors tfisser li Angelik qed iqarraq. Jista’ jkun li vera qed jara xi ħaġa.” Azzopardi qal li mhux sorpriż b’dak li qalet il-Kurja għax, “ma’ dan l-Arċisqof m’hemmx kantunieri u kapaċi jieħu deċiżjoni,” għalkemm żied jgħid ukoll li “ma jfissirx li l-istorja se tieqaf hawn.”

 

Azzopardi temm ifakkar li “l-Knisja għamlitha ċara li l-Madonna mhux veru kienet jew għadha tidher f’Medjugorje iżda n-nies inkluż Maltin u anke l-kleru għadhom imorru hemm b’devozzjoni kbira. Ikolli ngħid li hekk se jiġri f’dan il-każ. Personalment ma nsib ebda problema li ċertu nies jibqgħu jemmnu u għadna niddefendu dan id-dritt li jibqgħu jemmnu hekk. Wara kollox, uħud minnhom sabu paċi li qatt ma kienu sabu bħalha qabel.”  

More in Socjali