Il-Korea ta' Fuq tgħid li ttestjat l-ewwel bomba tal-idroġenu

Il-bomba tal-idroġenu hi iktar qawwija mill-bombi nukleari.

Il-Kap tal-Korea ta' Fuq, Kim Jong-un
Il-Kap tal-Korea ta' Fuq, Kim Jong-un

Il-Korea ta' Fuq qalet li rnexxielha tagħmel testijiet taħt l-art fuq bomba tal-idroġenu, li jekk tkun ikkonfermata, għandu jkun ir-raba' test nukleari sa mill-2006.

Din hija l-ewwel darba li l-Korea ta' Fuq qalet li għamlet it-testijiet fuq bomba tal-idroġenu, li hi iktar qawwija minn arma nukleari. Minkejja dan, l-esperti internazzjonali qalu li għad m'hemmx konferma ta' dan għalissa.

Għal dan, il-Korea ta' Isfel ikkritikat bl-aħrax lil pajjiż ġar tagħha, waqt li qalet li din kienet, "provokazzjoni gravi għas-sigurtà nazzjonali."

It-tħassib li kien hemm xi testijiet nukleari jseħħu taħt l-art tqajmu meta l-US Geological Survey innutat attività seismika mhux tas-soltu, fin-naħa ta' fuq tal-pajjiż.

Theżżiża ta' 5.1 inħasset madwar 50km 'il barra mill-belt ta' Kilju, qrib is-sit nukleari ta' Punggye-ri, li esperti qalu li din ma kinitx xi ħaġa normali.

Iktar tard, waqt l-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali tal-Korea, il-ġurnalista qalet li, "L-ewwel bomba tal-idroġenu tar-repubblika ħadmet b'suċċess fl-10.00am fis-6 ta' Jannar, 2016."

More in Socjali