Taħwida nobis mill-Lands

Edgar Farrugia ilu 16-il sena jistenna kumpens li jlaħħaq l-eluf...Il-Lands jammettu li fl-2005 taw kumpens ‘bi żbal’ lil terzi għall-proprjetà ta’ Farrugia

Edgar Farrugia u l-familja tiegħu spiċċaw f’nofs taħwida nobis li saret fl-2005 u kien biss wara kważi 10 snin li d-Dipartiment tal-Artijiet ħa responsabilità tagħha. Il-familja Farrugia ilha 16-il sena, jew mill-1999, tistenna kumpens mid-Dipartiment tal-Artijiet għal proprjetà fil-Belt Valletta, f’liema perjodu, l-istess proprjetà fi Triq San Nikola kienet trasferita darbtejn, darba f’bejgħ u oħra fi tpartit, mingħajr l-għarfien jew kunsens tal-familja Farrugia u mingħajr ma dawn ingħataw sold f’kumpens.

Edgar Farrugia sar jaf b’dawn it-trasferimenti wara li fl-2013 mar id-Dipartiment u minn hemmhekk intqal lilu li fil-fatt il-ħlas lil familtu kien sar fil-forma ta’ flus u artijiet fl-2005. Wara li baqa’ jiċħad dan, huwa talab li jara l-kuntratti li permezz tagħhom suppost kien irċieva kumpens. Imma meta ra l-kuntratt, informa lill-persuna li magħha kellu l-laqgħat fid-Dipartiment li ma kellu ebda konoxxenza tal-persuni msemmijin fil-kuntratti ffirmati fl-2005.

Kien biss f’April tas-sena l-oħra li d-Dipartiment tal-Artijiet ammetta li sar żball meta ingħata kumpens lil terzi minflok lill-familja Farrugia.

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali