[FILMAT] ‘Id-droga kont nittraffikaha f’ammonti żgħar bil-posta’

Fl-intervista mal-Illum, Ian* jispjega b'mod dettaljat il-proċess involut ta' kif kien jittraffika d-droga

Ian* jirrakonta f'dettall kif kien jitraffika d-droga Ritratt: Ray Attard
Ian* jirrakonta f'dettall kif kien jitraffika d-droga Ritratt: Ray Attard
Intervista ma' persuna li kienet tabbuza u titfraffika d-droga • Filmat Ray Attard

Kull każ ta’ persuni li jabbużaw mid-droga huwa distint minn ieħor. Min beda ta’ età żgħira u min kien adult diġà, min beda l-vizzju minħabba problemi fil-familja u min għal sempliċi kurżità, min kellu jisraq kull ma jista’ biex jitma l-mostru li kien ħakmu u min sab mezzi alternattivi. L-istorja ta’ Ian*, ukoll hija partikolari ħafna.

Ian kien jabbuża mid-droga, imma anke jittraffika. Ammetta magħna, li qatt ma kellu xi problemi fil-familja u li t-trobbija tiegħu kienet tajba ħafna. Pulit u edukat, saħansitra attenda l-Università f’kors tal-Ġeografija. Imma l-vizzju tad-droga, għalhekk huwa perikoluż immens, għax biex tingħeleb il-kilba, huwa diffiċli ferm. Fil-każ ta’ Ian, kellu jkun il-ħabs li jbiddlu u jaqilgħu mill-ħama li kien daħal fiha.

Ian fetaħ qalbu ma' dan is-sit, u rrakonta kif beda l-vizzju tad-droga u kif dan daħħlu f’dinja sotteranja ta’ traffikar. Spjegalna kif kien jagħmel biex jakkwista kull tip ta’ droga u kif ibigħha. Lil min kien ikellem u x’kien jagħmel biex ilaħħaq mad-domanda. Iżda llum, ir-raġel li jinsab fl-eqqel ta’ ħajtu, iħares lura u jiddispjaċih għad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa u qed jittama li l-Milied li jmiss, iqattgħu mal-familja.

Ian irrakuntalna kif beda l-vizzju tad-droga meta kellu 17-il sena, “ikkumparat ma’ każijiet oħra, bdejt ta’ età pjuttost kbira.”

Għadu jiftakar ċar l-ewwel darba li mess mad-droga. Ħsibnih se jgħid li beda bid-droga pjuttost ħafifa, imma konna sejrin żbaljati. “L-ewwel darba li ħadt id-droga, kont ħadt minħabba pressjoni minn sħabi u ħadt il-kannabis u l-kokaina fl-istess ġurnata. Dak il-ħin ħadt pjaċir kbir, imma l-effetti bdew ġejjin wara.”

Spjega li ħafna minn sħabu kienu ikbar minnu u kienu huma li pprovdewlu kull xorta ta’ droga. Minn dakinhar li beda, Ian beda jagħmel użu mid-droga b’mod aktar frekwenti, prattikament kull tmiem il-ġimgħa.

“Il-problema ggravat meta infetaħ il-każ kontrija fuq traffikar. Hemmhekk il-konsum żdied ħafna,” stqarr Ian.

Ta’ 23 sena, Ian tressaq il-Qorti akkużat bi traffikar ta’ droga. Huwa kien inħareġ b’libertà proviżorja. Matul il-perjodu tal-bail, Ian baqa’ jabbuża mid-droga b’mod regolari, kważi kważi, biex jaħrab mir-realtà li kien għaddej minnha.

Sakemm kellu 19-il sena, Ian kien prattikament mess, ma’ kull tip ta’ droga: kannabis, kokaina, LSD, miao miao u eroina. Dan kien l-istess żmien meta daħal biex jagħmel kors fl-Università ta’ Malta. L-użu tal-kannabis kien sar xi ħaġa ta’ kuljum, u fi tmiem il-ġimgħa, kien jabbuża minn sustanzi iktar qawwijin.

Meta induna li bl-użu tad-droga kien se jkollu jaffaċċja problemi finanzjarji kbar, Ian beda jbigħ u jittraffika.

“Qatt ma sraqt...mhix xi ħaġa li nimmaġinani li kapaċi nagħmel. Imma biex immantni l-vizzju kelli nġib il-flus min x’imkien. Tant kelli kuntatti, li qatt ma kelli għalfejn insib modi oħra kif inġib il-flus. Mid-droga kelli mezz kif inġib il-flus x’ħin irrid.”

Il-proċess ta’ traffikar ta’ Ian beda jirfina. Biż-żmien għamel kuntatti anke ma’ persuni minn pajjiżi barra minn Malta. “Kelli kuntatti l-Ingilterra, Spanja, l-Olanda, u kienu jiġu Malta għal xi btala u malajr għamilt kuntatti ġodda. Meta kont inkun nieqes mill-flus, kienu jafdawni biżżejjed li jselfuni.”

Spjegalna b’mod dettaljat kif kien jaħdem il-proċess biex jittraffika d-droga.

“L-ewwel ma’ trid huwa kuntatt tajjeb, biex iġġib prezz irħis. Għax Malta hawn kompetizzjoni kbira bejn id-dealers. Xi wħud, iwaqqgħu l-prezz, imma anke l-kwalità. Jien kont nippreferi nżomm kwalità tajba u l-prezz ikun raġjonevoli. Malli lin-nies ittihom droga ta’ kwalità tajba, jibqgħu ifittxuk u jiġu għal iktar.”

Meta stqasejnih jiddeskrivi l-proċess ta’ kif tasal id-droga f’Malta, pretendejna xi spjegazzjoni kumplessa, imma ma kienx il-każ.

“Kif tasal? Bil-posta. Jitfgħu ammonti żgħar ġo envelopp, jimpustawhom f’indirizzi f’xi dar abbandunata, umbgħad kont immur u nisgassa l-letter box. Ħadd ma kien jinduna b’xejn.”

Jekk bil-posta ma tasalx, kien hemm anke servizz ta’ courrier.

“Kelli ħabib tiegħi jaħdem f’courrier l-Ingilterra u kien jgħidli li jekk f’ammonti żgħar, jista’ jniżżilli kollox hu. Kien jieħu €5,000 ewro ta’ kull vjaġġ. Basta ma jaqbisx iż-żewġ kilogrammi.”

Iż-żewġ kilos setgħu kienu komposti minn kull tip ta’ droga. Ian kien sempliċiment jagħmel l-ordni u jistennieha tasal direttament id-dar tiegħu.

“Il-courrier kien jaħbihom fuqu. Ma nafx x’kien jagħmel u fejn kien jaħbihom, imma lili kienu jasluli skont l-ordni li nitolbu.”

Malli kienet tasal għandu d-droga, Ian kien jibda jqassam, ibigħ u jżomm għall-użu personali tiegħu. Spjega li l-prezz tal-kokaina fis-suq jammonta għal madwar €50,000 kull kilo. Iżda minħabba l-vizzju li kellu, meta kien jordna l-kokaina, kien jispiċċa jmur minn taħt, għax kien jikkonsma ħafna minnha hu stess.

“Meta nagħti lil ħaddieħor biex ibigħu, kilo kokaina jagħmluhom tnejn u nofs, għax iħalltuhom. Imbagħad kienu jqassmuhom b’xi €70 kull gramma. Kienu jagħmlu profitt kbir.”

Ian kien ibigħ il-kokaina b’€50 kull 100 gramma. Il-bejgħ, minkejja li ma kien jieqaf qatt, kien ikollu l-perjodu tiegħu. Bħal issa, fi żmien il-Milied id-domanda għad-droga tkun kbira ħafna.

“Tal-għaġeb kemm il-kokaina ġiet moda u għal kull okkażjoni...magħmudijiet, tiġijiet, li trid.”

Irrakonta kif il-familja tiegħu kellhom suspett li kien involut f’din l-intrapriża illegali. Darba anke ommu kienet keċċietu mid-dar wara li sabitlu d-droga.

“Issa ommi qiegħda fil-ġenna daqs kemm hi ferħana li għaddej bil-programm. Jien ma kontx nemmen li kelli problema imma mbgħad ġejt f’posti malli dħalt il-ħabs.”

Kien il-ħabs li fetaħlu moħħu dwar il-bżonn li jirrijabilita ruħu.

“Bdjet nara dawk li jkunu deħlin il-ħabs minħabba d-droga, kienu jkunu nexfin ħafna u bdejt ngħid, ara naqra din id-droga fiex iġġibek.”

Stqarr li sakemm dam il-ħabs, huwa qatt ma mess mad-droga. Jemmen li m’għadux skjav tal-vizzju. “Issa għandi entużjażmu kbir lejn il-ħajja. Il-ħabs użajtu u issa lest biex noħroġ. Tgħallimt naċċetta, nistenna u biex ma nieħux l-affarijiet for granted.

Il-Milied kien jistennih biex, skont kliemu, “jitħanżer fuq id-droga.”

Minkejja dak kollu li għadda minnu, mistoqsi dwar x’ikollu jbiddel kieku seta’ jmur lura fiż-żmien, Ian jgħid li ma kienx ibiddel wisq.

“Jiena ngħid, imnalla ġara dak li ġara, għax kieku m’iniex il-persuna kompluta li jien illum. Xorta nappella biex ħadd ma jibda din it-triq. Kienet għażla tiegħi li nieħu din it-triq. Għal bidu tidher sabiħa, imma mbgħad, l-affarijiet jiggravaw.”

Għall-futur, Ian qed jippjana li joħroġ miċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni, jsib xogħol u jekk ikun ixxurtjat, jifforma familja.

Finalment huwa appella liż-żgħażagħ biex ma jattirawx ruħhom mill-eċitament tal-bidu ta’ meta wieħed jikkonsma d-droga. “Il-konsegwenzi huma tal-biża’. Flus jispiċċaw, is-saħħa mentali tmur lura, trid bilfors tibqa’ tikkonsma biex tkun tista’ tmanti l-vizzju...mhux worth it.”

Jekk jirnexxilu jtemm il-programm ta’ rijabilitazzjoni, il-Milied ta’ din is-sena, se jkun l-aħħar wieħed li se jqatta’ ’l bogħod mill-familja. 

Ian* huwa isem fittizju

More in Socjali