2015: Personalitajiet Maltin li telgħu t-taraġ u min qed jersaq lejn il-qiegħ

Il-personalitajiet Maltin imqabbla mal-logħba tas-Snakes & Ladders

 

TELA’ – L-Arċisqof Charles J. Scicluna

Definittivament, meta mqabbel mal-Arċisqof ta’ qablu Pawlu Cremona, Scicluna huwa bil-wisq aktar kontroversjali u voċiferu. Scicluna qal le għall-kaċċa fir-rebbiegħa, ħareġ kontra l-programm ta’ ċittadinanza, kontra l-iffriżar tal-embrijuni, kontra l-proġett taż-Żonqor, kontra l-bidliet fil-liġi taċ-ċensura, kontra l-binjiet li hemm fl-Armier, u qabel ma sar Arċisqof kien l-akbar kritiku tal-liġi tal-Unjoni Ċivili għal persuni tal-istess sess.Fl-2015 tela’, imma fl-2016? 

NIŻEL – Joe Cassar

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista ma kellux sena tajba ħafna hekk kif matul l-2015, meta l-kwistjoni Gaffarena telgħet fil-quċċata tal-aġenda politika, il-gazzetta MaltaToday kienet żvelat kif Gaffarena kien ħallas kont ta’ €8,150 għal xogħlijiet li saru fid-dar tal-MP Nazzjonalista. Il-MaltaToday kienet żvelat ukoll kif Gaffarena kien ħallas €800 biex titwaħħal sistema CCTV mad-dar tal-istess Cassar. Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista kien qal li dan kollu kien ‘frame-up’ fuqu minn Gaffarena.

Dawn l-akkużi waslu biex Cassar jirreżenja minn kelliem tal-PN kif ukoll minn Deputat Nazzjonalista. Il-fatt li din kienet l-għażla tiegħu (jew tal-anqas hekk ikkomunikaha l-PN), kienet suġġett ta’ diskussjoni u analiżi politika. Hemm min qal li l-fatt li r-riżenja fil-fatt tat spinta lil Cassar, fil-fatt ħafna raw ir-‘rebħa’ tal-Gvern fuq l-Oppożizzjoni bir-riżenja ta’ Cassar, bħala waħda pirrika għax fil-fatt, ir-riżenja ta’ Cassar tefgħet ħafna pressjoni biex Joseph Muscat jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Michael Falzon.

TISBITA ’L ISFEL – Giovanna Debono

L-akbar tisbita ’l isfel matul l-2015 ħaditha l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono, sal-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista meqjusa bħala l-factotum tan-Nazzjonalisti u tal-Gvern ta’ Gonzi f’Għawdex.

L-ewwel akkużi fil-konfront ta’ Debono kienu żvelati wkoll fuq il-gazzetta oħt, MaltaToday li fit-8 ta’ Marzu żvelat skema sħiħa ta’ allegat xogħol li kien qed isir, allegatament mingħajr ħlas lil individwi li setgħu kienu votanti potenzjali ta’ Giovanna Debono. L-allegat abbuż kien jiċċentra madwar ir-raġel tal-eks Ministru Anthony Debono.

Minn meta ħarġu l-allegazzjonijiet, Debono irreżenjat mill-PN u żammet postha fil-Parlament bħala deputat indipendenti. Intant fil-Qorti, wieħed mill-whistleblowers Joe Cauchi, xehed kif 75% tax-xogħlijiet saru lil individwi privati. L-ilment ewlieni kien li Debono ma kienx ħallas għal xogħolijiet li kienu saru mill-Ministeru għal Għawdex fuq din l-allegata skema ta’ ‘xogħol għall-voti’. Debono kellu l-assi tiegħu ffriżati mill-Qorti, l-ewwel darba f’Mejju b’mod temporanju imbagħad b’mod permanenti f’Novembru. Ir-raġel ta’ Giovanna qed jaffaċċja 13-il akkuża fosthom miżaproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-kwistjoni kollha kien spiċċa daħal ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni hekk kif saru akkużi li Simon Busuttil kien iltaqa’ mal-whistleblower li kien infurmah dwar dak kollu li kien qed jiġri f’Għawdex qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, Busuttil kien akkuża lill-whistleblower Joe Cauchi li kien qed jigdeb taħt ġurament u qal li huwa “imbruljun” (self-confessed crook).

L-episodju Giovanna ma kienx wieħed pjaċevoli għall-PN matul l-2015 u l-unika nies li setgħu għorku jdejhom fil-partit kienu kandidati oħrajn Nazzjonalisti li fil-waqa’ ta’ Giovanna qed jaraw it-tlugħ tagħhom.

TELA’ – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru tela’ ftit din is-sena, l-aktar minħabba li fl-unika test elettorali li kellna matul l-2015, anke jekk naqqas fil-voti, il-Partit Laburista xorta jidher li baqa’ jgawdi l-appoġġ ta’ maġġoranza komda. Fil-fatt fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali il-PL kiseb 53.5% tal-voti.

Politikament din is-sena ma kinitx l-aqwa waħda għal Muscat hekk kif minkejja ekonomija b’saħħitha u suċċessi f’diversi oqsma kellu jaffaċċja bosta każijiet ta’ allegat abbuż, fosthom tal-Cafè Premiere u ta’ Gaffarena. Dawn tefgħu dell ikrah fuq il-Gvern u ċajpru l-immaġini pozittiva ħafna li Muscat kellu bħala Prim Ministru sal-2014. L-aktar settur tal-votanti li Muscat aljena din is-sena kienu l-ambjentalisti. L-aktar li żamm u/jew rebaħ appoġġ kien mal-lukandiera, negozjanti u kuntratturi.

TELA’ – Simon Busuttil

Il-Kap tal-PN tela’ ftit ukoll. Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, minkejja li l-PN kiseb 44.6% tal-voti u allura tilef dik l-elezzjoni, meta mqabbel mal-istess round ta’ elezzjonijiet irnexxielu jnaqqas id-distakk b’8.5%. Kienet sena pożittiva għal Busuttil ukoll hekk kif il-PN ħareġ b’numru ta’ proposti, fosthom dawk fl-ekonomija u dawk dwar il-governanza.  

Minkejja kollox iżda, l-Kap tal-PN xorta għadu ma jistax ikisser għal kollox dak id-distakk li jagħmel lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat aktar popolari. Dan jista’ jkun minħabba diversi fatturi. Il-PN qed jidher kontinwament fuq l-attakk tant li xi kultant, mingħajr ma jrid, jikxef sens ta’ paranoia. Xi kultant, ikun wisq fuq id-difiża u jirraġuna daqslikieku kulħadd irid ‘jirrombla fuqu’. L-iktar fattur li għadu qed iżomm lil Busuttil lura, huwa l-passat.

L-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista huma tant bagalja tqila fuq il-PN, li kważi għal kull akkuża li jagħmel il-PN ikollu erba’ oħra simili ppuntati lejh. Veru li l-passat trid tħallih u timxi ’l quddiem, però Busuttil huwa selettiv ħafna. Meta jrid, ifakkarna f’kemm “konna aħjar taħt il-PN”, u meta ma jaqbillux, jgħid li ma jistax jitkellem dwar il-passat, “għax ma kontx hemm jien.” Għas-sena d-dieħla, Busuttil jista’ jkompli jikber fl-istatura tiegħu u jista’ jkompli jagħmel aktar avvanzi fost il-votanti li abbandunaw lill-PN fl-2013. Imma ħafna se jiddependi wkoll fuq kemm il-Gvern se jaqbad momentum fl-aħħar sentejn sħaħ tal-leġiżlatura. 

 NIŻEL – Ian Borg

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ma tantx spiċċa s-sena bit-tajjeb, b’akkużi ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-każ ta’ proprjetà li xtara fir-Rabat, fiż-żona magħrufa bħala ta’ Santa Katerina.

It-tromba politika li ħalliet lil Borg xi ftit jew wisq imbenġel, bdiet hekk kif ir-rapport tal-Ombudsman dwar il-każ spiċċa fuq il-midja. Ir-rapport jgħid li Borg uża “metodi malizzjużi” meta minflok applika f’ismu għall-iżvilupp, applikaw missieru u l-project manager. Ir-rapport jitfa’ dubji wkoll fuq bidliet li saru fil-MEPA li permezz tagħhom, tneħħa l-uniku ostaklu li kien qed iżżomm il-permess milli joħroġ. L-Ombudsman jgħid li l-varjazzjonijiet u informazzjoni li tħalliet barra mill-MEPA ma kinux riżultat ta’ żbalji umani iżda, “attentat deliberat biex jitneħħa l-ostaklu għall-iżvilupp.” L-ostaklu kien jirrigwarda l-ammont ta’ art li fuqu jista’ jsir l-iżvilupp u l-fatt li dan kien fattur li ċertu wieħed Kevin Bugeja ma kienx ingħata permess fuq l-istess art, sena qabel ma spiċċat f’idejn Borg.   

Fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, f’rapport li ppublikat, qalet li s-Segretarju Parlamentari Borg mhux ħati ta’ ebda att ta’ korruzzjoni. Il-Kummissjoni, li hija mmexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, qalet li ma sabet “ebda prova ta’ att kriminali jew attentat biex isir att kriminali taħt il-Liġijiet Maltin li jirrigwardaw il-korruzzjoni.” Borg ċaħad bil-qawwa li xi ħadd fil-Mepa kien influwenzat mill-pożizjoni tiegħu fil-Kabinet. “Lanqas biss kienu jafu li jien kont wara l-applikazzjoni u saru jafu biss wara rapporti fuq il-midja.” Ian Borg qal li anke l-Ombudsman Joseph Said Pullicino stess żamm ċertu distanza mir-rapport li għamel l-Ombudsman tal-Ippjanar David Pace u qal li ma jistax jiggarantixxi li ma fihx żbalji.

TELA’ - Michael Briguglio

Michael Briguglio reġa’ tfaċċa fix-xena politika din is-sena, l-aktar minħabba li mexxa l-oppożizzjoni ta’ diversi NGOs ambjentali kontra l-proposta tal-proġett għall-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) fiż-Żonqor. Il-protesta kontra dan l-iżvilupp, li kienet l-akbar waħda li saret din is-sena, u l-akbar waħda organizzata mis-soċjetà ċivili, reġgħet imbuttat lil Briguglio fix-xena politika ta’ pajjiżna. Fil-fatt, għal xi ġimgħat kien hemm għajdut kontinwi li Brigulgio se jerġa’ jirritorna biex imexxi l-Alternattiva Demokratika. Minn dakinhar tal-protesta, il-momentum popolari kontra l-proġett batta xi ftit u jidher li Briguglio reġa’ sparixxa.

Ħafna jħossu li Briguglio jista’ jilgħab parti importanti fit-tmexxija ta’ kawżi ambjentali u tal-grupp dejjem jikber ta’ votanti ‘ħodor’. Briguglio jista’ jagħti wkoll vuċi lil dawk il-votanti xellugin li jħossu li l-PL illum m’għadux partit tal-ħaddiem. Jekk it-tlugħ ta’ Briguglio hux momentarju jew le, jiddependi ħafna fuq x’jiddeċiedi hu stess. X’se jagħmel? Se jerġa’ joħroġ mal-AD? Jew forsi qed jitħajjar joħroġ mal-PN?

TELA’ – Tony Abela

Mingħajr ma stenna hu stess, in-nutar Tony Abela reġa’ spiċċa fil-Parlament wara li rriżenja Joe Cassar. Minkejja li Abela huwa popolari fil-lokalità tar-Rabat, jidher li r-riżultat ta’ din l-elezzjoni każwali ma tantx ġab ferħ u ċekċik tax-xampanja fil-PN, hekk kif il-MaltaToday irraportat kif il-Kap Nazzjonalista xtaq li jkun Joe Giglio li jieħu post Cassar permezz ta’ co-option. Abela kien Segretarju Parlamentari fi żmien Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi u kien sikwit f’nofs kontroversja.

Kien spiċċa f’nofs kontroversja minħabba relazzjonijiet passati ta’ negozju ma’ Indri Zammit, li kien instab ħati ta’ traffikar ta’ drogi. Abela dejjem qal li huwa kien waqqaf l-irbit kollu li seta’ kellu ma’ Zammit malli dan kien instab ħati l-ewwel darba fl-1994. Abela kien ukoll responsabbli mill-Armata meta din kienet użat forza eċċessiva biex twaqqaf protesta paċifika fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Safi. Abela jibqa’ magħruf ukoll għall-batibekki li kellu mal-ġurnalisti tal-ONE, speċjalment ma’ Charlon Gouder, meta darba staqsieh jekk jemigrax jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni.

TISBITA ’L ISFEL - Michael Falzon

Jekk Giovanna ħadet l-akbar tisbita min-naħa tal-PN, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ħa l-akbar tisbita min-naħa tal-Gvern. Għalkemm il-kundanna għad trid tinqata’, hekk kif għadhom għaddejjin l-inkjesti li għandhom jiddeterminaw x’ġara u ma ġarax eżattament fil-każ tal-proprjetà. Minkejja kollox, il-kumbinazzjonijiet huma naqra koroh u la jirriflettu tajjeb fuq il-Gvern u lanqas fuq Falzon innifsu.

Mela fl-2007, Gaffarena sar il-proprjetarju ta’ 25% tal-bini fi Triq Zekka li fih hemm l-uffiċini tal-Building Industry Consultative Council (BICC). Huwa nefaq €23,294 biex imbagħad f’Jannar 2015, il-Gvern esproprija din il-parti tal-binja u ta lil Gaffarena €822,500 fi flus u artijiet. Mar €800,000 minn fuq. Xahar wara, Gaffarena xtara 25% oħra tal-bini għal €139,762 biex f’April esproprija l-istess bini għal €822,500 fi flus u artijiet. Mar b’€682,738 minn fuq. L-artijiet għażilhom hu u għażilhom imissu ma’ propjetajiet oħrajn, u persuna mis-Segretarjat ta’ Falzon magħruf bħala l-‘King tal-Lands’ kien akkumpanja lil Gaffarena lejn id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern.

S’issa kien żvelat fuq il-gazzetta MaltaToday li l-inkjesta turi kif sar ħlas eċċessiv lil Gaffarena, lil hinn mil-limitu għal din is-sena. 

Dan il-każ kollu qajjem baraxx ta’ akkużi u kontro-akkużi ta’ nuqqas ta’ trasparenza u ta’ kollużjoni bejn politiċi, jew dawk ta’ madwarhom, u l-familja Gaffarena, li sa qabel l-2013, dejjem kienet magħrufa bħala familja akkanita Nazzjonalista.

TELGĦET – Destiny

Destiny telgħet ’il fuq din is-sena, hekk kif il-vuċi mill-isbaħ tagħha, simili għal dik tal-kantanta soul Aretha Franklin. Destiny, bint in-Niġerjan famuż Ndubisi Chukunyere, rebħet il-qlub ta’ ħafna Maltin bit-talent tagħha u fakkritna fl-isbuħija ta’ soċjetà mħallta. Għallmitna wkoll kemm hu sabiħ li persuna tkun iġġudikata fuq il-kontenut tal-karattru mhux fuq il-kulur tal-ġilda.

NIŻEL – Alex Pisani

Alex Pisani huwa wieħed mill-Kelliema tal-Għaqda Patrijotti Maltin. Apparti li ħafna drabi l-argumenti li jġib flimkien mal-istess għaqda huma xi ftit jew wisq bażwija, għax mibnijin fuq il-biża’, matul din is-sena, Pisani tpoġġa f’sitwazzjoni kemxejn imbarazzanti. Dan ġara meta waqt il-programm Xarabank, wara ħafna dibatitti dwar kemm huwa importanti li nkunu kburin b’Malta tagħna, hu ma kienx jaf ikanta l-kliem tal-Innu Malti meta mitlub biex jagħmel dan minn mara Maltija Musulmana. Din il-mara li kważi l-Għaqda Patrijotti ġabu fid-dubju jekk kinitx Maltija għax hija Musulmana, kienet taf tkanta l-innu Malti kelma b’kelma.

TELA’ - Sandro Chetcuti

Sandro Chetcuti tela’ waħda sew hekk kif il-lobby li jmexxi, jiġifieri tal-iżviluppaturi sar ħafna iktar b’saħħtu milli qatt kien. Anke jekk ma taqbilx miegħu jew mal-ideat tiegħu, jibqa’ fatt li Chetcuti huwa voċiferu ħafna u dan ifisser li l-iżviluppaturi illum għandhom leħen b’saħħtu, li huwa wkoll simpatizzanti mal-Gvern preżenti, u li qiegħed iwassal il-messaġġ tiegħu b’mod ċar. Sandro Chetcuti, ħobbu jew obgħodu, ta lezzjoni lil ħafna għaqdiet u lobby groups oħrajn li xi kultant mhux in-numru li jgħodd l-aktar, iżda kemm dak in-numru qed jitmexxa minn xi ħadd li huwa effettiv fejn jiswa l-aktar.

 

Marlene Farrugia – Mingħajr dubju l-fattur Marlene Farrugia kompla jiddomina x-xena politika lokali. Lejn l-aħħar ta’ din is-sena rreżenjat mill-Partit Laburista u minn MP tal-istess Partit,  wara li ma bdietx taqbel mal-proposti tal-Gvern għal-qasma fil-MEPA, anke jekk din il-proposta kienet wegħda tal-PL fl-aħħar elezzjoni. Apparti n-nuqqas ta’ qbil tagħha fuq dan il-punt, Farrugia kienet minn ta’ quddiem li kkritikat lill-Gvern fuq il-proġett tal-Università Amerikana (jew kulleġġ ta’ livell għoli) tant li kienet il-figura politika prinċipali mill-Gvern kontra t-teħid ta’ art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) f’Marsaskala. Imma Farrugia ma qablitx mal-Gvern anqas fejn kien jirrigwarda l-iffriżar tal-embrijun u filwaqt li kisritha sew ma’ numru ta’ Deputati Laburisti, speċjalment wara li Joe Debono Grech heddidha fil-Parlament, kienet qed tfaħħar l-inizjattivi tal-PN u ta’ Simon Busuttil b’mod kontinwu.

Jekk tħares lejn Farrugia mil-lenti purament u strettament politika, fis-sens partiġġjan, mela allura din ma kinitx sena tajba għal Marlene. Il-preżenza tagħha fil-protesta organizzata mill-PN fiż-Żonqor u s-selfies u l-bews ma’ Busuttil ma niżlu tajjeb xejn ma’ ħafna partitarji Laburisti, u oħrajn li mhumiex. Il-protesta tal-PN u l-preżenza tagħha hemm m’għamliha l-ebda forma ta’ ġid politiku. Minn dakinhar, bosta kienu dawk li waqfu jisimgħu x’kellha xi tgħid Marlene.

Il-ħaġa hija li ħafna minn dak li kellha xi tgħid Marlene, kemm qabel u anke wara din il-protesta kien jagħmel ħafna sens. Il-kritika tagħha kienet ġustifikata, kienet unika fuq in-naħa tal-Gvern fejn jirrigwarda l-ambjent u ħafna mid-drabi kienet mibnija fuq prinċipju. Jekk tista’ tikkritika lil Marlene fuq ħafna affarijiet żgur ma tistx tikkritikaha fuq il-prinċipju li dejjem ħaddnet favur ambjent aħjar.

Għalhekk Marlene telgħet, għax moralment baqgħet tħaddan il-prinċipji tagħha, imma niżlet għax il-mod kif ittrażmettiet dak il-prinċipju morali kien xi ftit sfaċċat wisq għal pajjiż fejn il-lealtà lejn il-partiti għadha tagħmel lill-aktar nies intelletwali, nagħaġ ta’ bendu.

Lino Farrugia – Din is-sena kienet is-sena tar-referendum dwar il-kaċċa. Ir-riżultat huwa magħruf minn kulħadd għalkemm ftit kien mistenni min-nies. Tista’ tgħid li matul din is-sena Farrugia tela’ għax flimkien mal-bqija tat-tmexxija tal-FKNK irnexxielu jbiddel l-immaġini tal-kaċċaturi u jorbot  idejn il-mexxejja politiċi biżżejjed biex jaħtaf rebħa minn ħalq telfa ċerta.

Imma sfortunatament, l-immaġini ma damitx wisq ma ġiet fix-xejn f’għajnejn ħafna hekk kif ftit wara r-riżultat tar-referendum seħħew numru ta’ każi ta’ illegalitajiet. Vera, mal-ħażin m’għandux jeħel it-tajjeb imma ftit wara riżultat daqstant viċin u mingħajr entużjażmu popolari (ħlief għal dak tal-kaċċaturi) wieħed kien jistenna aktar dixxiplina u rispett lejn min tak ċans ieħor. Il-ksur fil-liġi ma niżel tajjeb assolutament xejn u l-immaġini ta’ Farrugia, li qatt ma kienet wisq tajba, reġgħet majnat għal dik li kienet qabel ma bdiet il-kampanja referendarja.

Jiġifieri tela’ jew niżel Lino? Probabliment, għal dawk li jimpurtahom mis-suġġett, jiddependi ħafna fuq il-lenti li minnha qed tħares. Jista’ jkun li tela’ u niżel.

Mark Sultana – Bħala wieħed mill-‘front liners’ tal-kampanja ‘Shout’ Sultana kellu jiffaċċja telfa pjuttost umiljanti. Umiljanti għax ma kinitx mistennija, anke jekk id-differenza bejn il-voti kienet minima ħafna. Jidher li filwaqt li l-kampanja Shout kienet mibnija fuq aktar sens komun u emozzjoni, dan l-istess sens jew emozzjoni lanqas biss laħaq jew prova jilħaq eluf kbar ta’ votanti li jgħixu fl-irħula u li vvutaw favur il-kaċċaturi, mhux għax favur il-kaċċa, imma għax seħibhom, kuġinuhom jew missierhom kaċċatur. Dan il-fattur kien totalment injorat, jekk mhux xi minn daqqiet redikolat, u f’kampanja ma tista’ tinjora lil ħadd jekk trid mingħandhom biex tasal. Assumew li lil dawn l-eluf kbar ma tistax tbiddlilhom fehmthom. Assumew ħażin!

Imma jekk ir-referendum kien xi ftit jew wisq ta’ niżla, l-fatt li serva ta’ imbuttatura qawwija għas-settur ambjentali u ta’ raġuni qawwija biżżejjed biex tiħrax il-ġlieda favur il-wirt naturali ta’ Malta, kien definittivament ta’ telgħa. Sultana allura jibqa’ f’għajnejn eluf kbar ta’ ċittadini, persuna li qed jiġġieled għal dak li huwa tagħna biex ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Fl-aħħar jiem Mark Sultana kien maħtur Kap Eżekuttiv tal-Birdlife, kariga li għandu juża biex iressaq aktar lin-nies lejn din l-organizzazzjoni u l-ħsibijiet tagħha favur il-ħolqien u favur il-ħajja.  

Tela’ jew niżel? Beda bl-inżul u spiċċa bit-tlugħ.

 

 

 

 

  

More in Socjali