[Filmat] Il-poplu Maltin ikomplu juru l-ġenerożità tiegħu

Bħalissa għaddejja l-maratona tal-Istrina 2015

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard
Filmat: Ray Attard

Iktar kmieni llum, ingħatat bidu għall-Istrina, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi annwali b'risq il-Malta Community Chest Fund u jidher li sas-2pm kienu diġà nġabru ’l fuq minn €500,000.

Il-baned tal-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija fetħu l-maratona dalgħodu, fil-preżenza tal-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-mexxej tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Arċisqof Charles Scicluna.

L-edizzjoni tal-Istrina tas-sena li għaddiet irnexxielha tiġbor ’il fuq minn €3.65 miljun.

Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min ta sehemu fl-organizzazzjoni tas-sbatax-il edizzjoni tal-maratona, u kkummentat fuq kif is-solidarjetà, il-ġenerożità u l-imħabba jiffurmaw parti mill-karattru tal-poplu Malti.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Muscat faħħar ix-xogħol siewi li jsir permezz tal-għajnuna li tagħti l-MCCF. Il-fondazzjoni, li qiegħda dejjem tikber, dejjem tagħmel l-almu tagħha għal min hu fil-bżonn, qal il-Prim Ministru.

Żied jgħid ukoll li din il-maratona mhijiex biss opportunità għall-kumpaniji kbar biex jagħtu l-eluf f’donazzjonijiet jew li n-nies jagħtu miż-żejjed tagħhom, iżda wkoll ġurnata li fiha wieħed japprezza dawk li jagħtu mill-ftit li jistgħu.

Il-kap tal-Oppożizzjoni kompla fuq it-tema li bdiet il-President, fejn saħaq li l-fidi, t-tama u l-karità kienu tliet valuri li pajjiżna dejjem ħaddnet. Hu ħeġġeġ lil min kien qiegħed jisma l-messaġġ tiegħu sabiex jingħaqad f’ familja waħda għall-għajnuna ta’ min hu fil-bżonn.

L-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, appella lill-pubbliku biex jagħtu leħen għall-fidi tagħhom u biex ikomplu jagħtu t-tama lil min hu fil-bżonn. Kellu kliem ta’ tifħir għall-President u ħeġġiġha tkompli fil-ħidma siewja tagħha.

More in Socjali