Aġent tal-proprjetà? ... Se jkollok bżonn liċenzja

...Josè Herrera jgħid li  jrid jaċċerta l-aqwa livell ta’ protezzjoni lill-konsumatur

Il-White papoer mistennija tirregola u taċċerta li l-klijent ikun protett
Il-White papoer mistennija tirregola u taċċerta li l-klijent ikun protett

L-ILLUM jista jiżvela li fil-White Paper dwar l-Aġenti tal-Proprjetà li l-Gvern se jkun qed iressaq fil-bidu ta’ Jannar 2016  hemm propost li jiddaħħal kodiċi ta’ prattika li eventwalment iwassal biex kull persuna li taħdem bħala aġent tal-proprjetà tingħata liċenzja.

L-istess White Paper se tipproponi li jkun hemm entità li tirregola l-professjoni u li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ professjonali lil kull min jaħdem jew jixtieq jaħdem fis-settur. 

Fil-bidu tas-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jippreżenta White Paper bi proposti mmirati li jtejbu u jirregolaw is-settur u l-professjoni tan-negozju tal-bini. Fil-fatt l-ILLUM huwa infurmat illi l-Gvern qed jipproponi li jintroduċi kodiċi ta’ prattika li għandhom iwasslu biex kull persuna li għandha impjieg f’dan is-settur tkun liċenzjata fil-bejgħ tal-proprjeta.

Il-White Paper se tkun qed tħares lejn diversi prattiċi fothom il-kiri, il-bejgħ kummerċjali, il-maniġment tal-kondiminju u l-bejgħ internazzjonali. Se tkun qed tikkunsidra t-twaqqif ta’ entità li jkollha l-għan li tirregola l-proprjetà u sservi ta’ fora fejn l-iżviluppaturi u n-negozjaturi jiddiskutu l-promozzjoni ta’ proprjetà ta’ kwalità u s-sostenibilità tas-suq.

Organizzazzjoni li tivverifika l-kodiċi ta’ prattika

L-ILLUM jinsab infurmat li l-White Paper se jwassal għal kodiċi ta’ prattika fil-mod kif jaħdmu l-impjegati fis-settur b’organizzazzjoni li se tkun qed tivverifika li fil-fatt dawn il-kodiċi qed jkunu segwiti. Apparti minn hekk, din se tkun qed tippromovi l-professjoni permezz ta’ taħriġ u edukazzjoni professjonali u skema li permezz tagħha jkun indirizzat nuqqas ta’ ftehim li jista’ jseħħ bejn il-partijiet kollha involuti.

Meta l-ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari għall-kompettività u t-tkabbir ekonomiku Josè Herrera, dan fakkar kif b’kollox hawn 12-il pajjiz fl-Unjoni Ewropea li jirregolaw dan is-settur u fakkar ukoll kif regolati jew le, il-professjonisti f’dan il-qasam xorta għandhom ikunu familjari ma’ ċerti regolamenti, fosthom l-‘Energy Performance on Buildings’, id-Direttiva tal-Medjazzjoni u anke direttivi marbutin mal-ħasil tal-flus.

‘Irridu nassiguraw l-ogħla livell ta’ protezzjoni’

Herrera sostna li peress li għal ħafna nies, ix-xiri ta’ dar jew proprjetà huwa, “wisq probabli l-akbar investiment matul ħajtu, u għalhekk il-flejjes huma kbar u l-investiment l-istess. Għalhekk bħala Gvern nemmnu li kemm il-bejjiegħa u anke x-xerejja għandhom dejjem ikunu offruti l-ogħla livell ta’ protezzjoni u li l-intermedjarju li qed jgħinhom jaslu għal din id-deċiżjoni ikun marbut bid-dmirijiet u obbligi etiċi u professjonali.”

Is-segretarju Parlamentari Jose Herrera li qed jippilota l-White Paper dwar l-Aġenti tal-Proprjeta'
Is-segretarju Parlamentari Jose Herrera li qed jippilota l-White Paper dwar l-Aġenti tal-Proprjeta'

Herrera aċċerta li dawn il-bidliet mhux qed isiru minħabba li n-nies jew kumpaniji li qed jaħdmu f’din l-industrija qed jagħmlu xogħolhom b’nuqqas ta’ diliġenza, “imma nemmnu li issa huwa ż-żmien li nirregolaw din l-industrija wara diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha.”

Is-sensara esklużi

Intant is-Segretarju Parlamentari qal mal-ILLUM li s-sensara mhux se jkunu inklużi f’dawn it-tibdiliet. Minkejja dan, huwa għamilha ċara li meta jitkellem dwar sensara qed jirreferi għal dak l-intermedjarju li ma jirreklamax is-servizzi tiegħu ħlief permezz tal-kelma, li ma jimpjegax nies u li joffri s-servizzi tiegħu fil-konfront ta’ proprjetajiet fil-madwar u l-viċinanzi tiegħu.

More in Socjali