Birdlife Malta tappunta Mark Sultana bħala l-kap eżekuttiv il-ġdid

Mark qal li bħala l-ikbar għaqda ambjentali f’Malta huwa ż-żmien li Birdlife Malta tħares lejn sfidi ġodda fil-ħarsien tan-natura u tibdil fil-klima

L-ikbar għaqda ambjentali f’Malta, Birdlife Malta appuntat lil Mark Sultana bħala l-kap eżekuttiv ġdid tagħha. Sultana kien wieħed mill-kelliema ewlenin tal-kampanja Shout u kien it-teżorier ta’ Birdlife Malta, waqt li ilu membru attiv tal-Birdlife għall-aħħar 30 sena.

Dwar il-ħatra ta’ Mark Sultana, il-president il-ġdid ta’ Birdlife Malta Darryl Grima qal, “L-għażla ta’ Mark Sultana bħala kap eżekuttiv tal-ikbar għaqda ambjentali f’Malta jikkoinċidi ma’ mument importanti għal Birdlife Malta.  Flimkien mal-kunsill tal-Birdlife, ser inkunu qed nagħtu bidu għal numru ta’ proġetti kuraġġużi marbutin mal-ħarsien tan-natura flimkien ma’ proġetti edukattivi, kif ukoll proġetti tal-Unjoni Ewropea magħrufin bħala LIFE PROJECTS. Il-fatt li Mark huwa Malti u għandu esperjenza estensiva f’ħidma ma’ għaqdiet lokali ser ikun importanti biex jassigura li jkollna success fil-miri tagħna.”

Min-naħa tiegħu Mark Sultana qal, “B’iktar minn 50 sena esperjenza, Birdlife Malta għandha ħafna x’toffri lil Malta u l-Maltin. Inħares biex nibni rabtiet ġodda mal-amministrazzjoni preżenti, għaqdiet ambjentali oħra, is-soċjetà ċivili u gruppi oħra. Fuq kollox però, huwa żmien li nibnu fuq is-suċċessi tagħna biex inħarsu l-biodiversità fraġli ta’ Malta. Dan jista’ jseħħ biss billi nippreżervaw aktar żoni għall-ġid komuni. Nemmen fil-Maltin u l-Għawdxin għax in-nies huma parti mill-ambjent naturali u għalhekk il-ħarsien ambjentali ifisser ukoll ħarsien u titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna.”

Mark Sultana għandu 42 sena u hu missier ta’ żewġ subien u kien il-kap tal-operazzjonijiet u l-finanzi tar-Razzett tal-Ħbiberija għal sitt snin. Sentejn minnhom serva bħala General Manager. Meta Razzett u Eden ingħaqdu, ġie appuntat Chief Financial Officer ta’ l-Inspire għal sitt snin.

More in Socjali