Siġra għal kull żwieġ barrani f'Malta

Imniedi l-Lovers' Tree Project fi Xrobb l-Għaġin

Għal kull koppja barranija li tiġi tiżżewweġ f'pajjiżna, se tiġi mħawla siġra fi Xrobb l-Għaġin. Dan kien il-proġett li ġie mniedi b'kollaborazzjoni bejn l-MTA, Nature Trust u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Għal kull tieġ, se titħawwel siġra kommemorattiva f'żona speċjali tal-park nazzjonali fi Xrobb l-Għaġin. Dan il-qasam huwa wieħed li qed jikber b'rata mgħaġġla u l-MTA qed tagħmel investiment f'dan. Flimkien mas-siġra, qed titwaħħal ukoll plakka forma ta' qalb bl-isem tal-koppja, d-data taż-żwieġ u minn fejn tkun ġejja l-koppja.

L-MTA qed tipparteċipa wkoll f'diversi fieri tat-tiġijiet madwar l-Ewropa partikolarment fl-Ingilterra u l-Irlanda. Mid-dħul tal-Unjoni Ċivili, il-gżejjer Maltin qed isiru wkoll destinazzjoni favorita ma' koppji tal-istess sess.

S'issa, bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, 661 koppja barranija applikat biex tiżżewweġ f'pajjiżna, b'iktar minn 250 minnhom ikunu koppji li ġejjin mill-Ingilterra.

L-akbar ammont ta' żwiġijiet ta' barranin f'pajjiżna kien ġej mir-Renju Unit u l-Irlanda u warajhom jiġu koppji Ġermaniżi, Pollakki, Ungeriżi, Skandinavi u anke Asjatiċi, partikolarment mill-Ġappun.

More in Socjali