Il-President tkompli żżur pazjenti Maltin f'Londra

It-tobba Maltin jgħinu biex jagħtu aktar kuraġġ lil pazjenti Maltin

Fl-aħħar jum taż-żjara tagħha f’Londra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleira Preca kompliet bil-ħidma tagħha favur il-pazjenti Maltin rikoverati f’Londra mgħejuna wkoll mill-Malta Community Chest Fund.   Fi żjara li għamlet fl-isptar King’s College f’Londra, il-President ta’ Malta żaret pazjenta mgħejuna mill-Malta Community Chest Fund.  F’din iż-żjara l-President tkellmet fit-tul mal-familjari ta’ din il-pazjenta hekk kif it-trattament tagħha se jissokta bl-għan li tittejjeb il-kundizzjoni tagħha. 

Fl-isptar King’s College, il-President ta’ Malta ltaqgħet ma’ 4 tobba Maltin, fosthom ukoll tabib Għawdxi.  Wieħed minn dawn it-tobba ilu jipprattika x-xogħol tiegħu fir-Renju Unit għal madwar erbgħin sena.  Il-President ta’ Malta ddiskutiet possibilitajiet ta’ inizjattivi mat-tobba Maltin li jaħdmu fir-Renju Unit, biex dawn ikomplu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-pazjenti Maltin, u anki għal studenti tobba Maltin.  Il-President qalet li tħossha kburija ħafna meta tiltaqa’ ma’ tobba Maltin barra l-pajjiż, u spjegat ukoll li l-fatt li l-pazjenti Maltin isibu t-tobba ta’ pajjiżna, ikun ta’ wens kbir għalihom anki għaliex f’mumenti diffiċli, il-fatt li tisma’ l-lingwa Maltija, jagħti iktar kuraġġ lill-pazjenti u familjari.

Waqt din iż-żjara f’King’s College, il-President ta’ Malta ppreżentat donazzjoni mill-Malta Community Chest Fund lill-amministrazzjoni ta’ dan l-isptar bħala turija ta’ apprezzament għall-ħidma li ssir biex jiġu kkurati l-pazjenti Maltin.

Wara ż-żjara f’King’s College, il-President ta’ Malta żaret l-għaqda LIFE fi Slough, li tagħti appoġġ lil tfajliet li jinqabdu tqal ta’ età żgħira.  Din l-għaqda tagħti s-servizzi tagħha permezz ta’ tliet programmi li huma Life Care, Life Houseing u Life Education.  F’din iż-żjara l-President ltaqgħet ma’ uħud mit-tfajliet li jieħdu s-servizzi ta’ LIFE  fejn ippreżentatilhom għadd ta’ prodotti għall-użu tat-trabi tagħhom.  Life Care, b’ċentri mifruxa madwar ir-Renju Unit, għandha servizz ta’ helpline li jagħti appoġġ ta’ counselling lil tfajliet li jinqabdu tqal, lil dawk li jitilfu t-tarbija u lil dawk li jagħmlu abort.  Life Housing huwa programm li jipprovdi akkomodazzjoni lil tfajliet li jkunu tqal bejn l-etajiet ta’ 16 u 25 sena, filwaqt li Life Education huwa programm ta’ edukazzjoni b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ skejjel biex tfajliet jingħataw edukazzjoni marbuta ma’ tagħlim tal-ħajja bħal per eżempju dwar relazzjonijiet, u edukazzjoni sesswali.

 

More in Socjali