‘Hu probabbli li l-ittestjar ġenetiku jwassal għal rimi ta’ embrijuni’

Studju mqabbad mill-Konferenza Episkopali Maltija 

 

Studju mqabbad mill-Konferenza Episkopali Maltija jgħid kif l-introduzzjoni tal-ittestjar ġenetiku fuq l-embrijuni qabel ma ssir l-impjantazzjoni jista’ jkun estiż sabiex jista’ jkun hemm “selezzjoni, skartar u rimi ta’ embrijuni,” u dan, ikompli jgħid l-istudju, minħabba l-fatt li m’hemmx restrizzjonijiet fuq l-ittestjar, biex isir biss f’każijiet ta’ kundizzjonijiet fatali jew li ma jkunux vijabbli.

Dan l-istudju u l-konklużjonijiet li ħarġu minnu, ntlaqgħu mill-Isqfijiet Maltin, bil-pożizzjoni tagħhom tkun affermata li m’hemmx bżonn li jiddaħħal il-proċess tal-iffriżar tal-embrijuni minħabba li m’hemmx bżonnu għaliex ma jtejjibx biżżejjed ir-rati ta’ suċċess.

Dan l-istess studju kompla jasal għall-konklużjonijiet tiegħu li jaraw li l-iffriżar tal-embrijuni mhux bżonnjuż u f’Malta, “mhix meħtieġa xjentifikament u mhix raġonevoli.” L-istudju jkompli jelabora dwar dan meta jgħid li l-proċess ta’ ffriżar tal-embrijuni ma jwassalx biex ikun hemm titjib fir-rata ta’ suċċess lokali, u dan meta wieħed jara li “r-rata ta’ suċċess lokali titqabbel tajeb ma’ dawk ta’ ċentri barranin.”

Dan l-istudju nnota wkoll kif kien hemm kunsens unanimu fil-Parlament dwar il-liġi ta’ tliet snin ilu dwar l-IVF u jisħaq li l-għan warajh kien dejjem, “il-protezzjoni tal-embrijun uman,” li huwa “valur li jinżamm bi stima għolja f’Malta u għandu jkun affermat.” Irrimarka wkoll b’mod pożittiv li qed ikun suċċess il-proċess tal-IVF mogħti preżentement lil koppji li jkollhom diffikultajiet sabiex ikollhom it-tfal, b’riżultati pożittivi.

Il-konklużjonijiet minn dan l-istudju jitkellmu b’mod partikolari fuq il-kwistjonjiet morali u etiċi li jġib miegħu l-proċess tal-iffriżar tal-embrijuni għaliex jorbtu direttament l-iffriżar tal-embrijuni mal-ħolqien ta’ embrijuni żejda li ma jkunx hemm bżonnhom. Din “il-ħela ta’ embrijuni,” twassal għal sensiela ta’ dilemmi etiċi, morali u psikoloġiċi, jkompli jgħid l-istudju għaliex għad ma ġiex identifikat x’se jsir mill-embrijuni li ma jkunux se jiġu wżati għall-impjantazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan, ir-rapport jirrakomanda li fost l-oħrajn li jkun hemm iktar promozzjoni u faċilitazzjoni fil-proċessi tal-adozzjoni u fostering.

Dan l-istudju ġie kkoordinat mill-Fakultà tat-Teoloġija u kien jinkludi diversi esperti minn oqsma varji, bħal-liġi, mediċina u psikoloġija. L-istess grupp ta’ esperti kienu ġew maħtura wkoll sabiex iħejju rapporti għall-Isqfijiet dwar suġġetti oħra bħall-espressjoni tal-ġeneru u l-d-dekriminalizazzjoni tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon.

Dan ir-rapport jiġi fid-dawl tad-dibattitu li għaddej fil-pajjiż dwar is-suġġet, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li numru ta’ deputati kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni kienu voċiferi dwar din il-kwistjoni. Fost dawn kien hemm id-Deputata Laburista Deborah Schembri li fil-ħarġa tal-4 ta’ Ottubru tal-gazzetta ILLUM, permezz ta’ intervista esklussiva sostniet il-pożizzjoni tagħha kontra l-iffriżar tal-embrijuni, bl-aktar inkwiet tagħha jkun li l-embrijuni li ma jkunux impjantati, jistgħu jisfaw ‘mormija’.

More in Socjali