‘Għadna m’aħniex avventurużi biżżejjed għal fuq it-TV’

‘L-aħbarijiet huma ‘monotoni’ u d-drama fiha wisq biki imma xorta nħobbu dak in-naqra TV Malti’

Il-Maltin, xi ftit jew wisq, huma f’relazzjoni ta’ mħabba u mibgħeda fejn jirrigwarda l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Inħobbu mmaqqdruhom, intuhom mill-agħar, u nikkritikawhom imma iktar iva milli le, inħobbu nsegwuhom xorta. Il-perspettiva tal-kategoriji ta’ nies li minnhom kien ifformulat ir-rapport bl-isem ‘Il-Kwalità fix-Xandir Televiżiv’ tal-Professur Marilyn Clark u Joanna Spiteri, hija waħda imħallta bil-linja ġenerali tikkritika n-nuqqas ta’ oriġinalità u avventura fil-mod kif nipproduċu, niddiskutu u nippreżentaw għat-TV.

Punt ta’ kritika fir-rapport hija lejn l-aħbarijiet lokali, li bosta jarawhom bħala ‘monotoni’. “L-aħbarijiet ta’ stazzjonijiet barranin huma iktar ‘divertenti’ għax dawk li jaqraw l-aħbarijiet jgħaddu kummenti li huma direttament relatati mal-istorja, xi ħaġa li turi li min qed jaqra l-aħbarijiet, fil-fatt, jaf l-aħbar sew. Min-naħa l-oħra dawk li jaqraw l-aħbarijiet Maltin huma xi ftit stirati.” Hekk kien ikkwotat jgħid telespettatur fir-rapport, li forsi inkonxjament, fetaħ ferita ta’ bosta ġurnalisti Maltin, speċjalment ta’ dawk li jaħdmu mal-midja ta’ xi partit politiku.

Fil-PBS ma jistgħux isiru kummenti politiċi waqt il-qari

Imma fil-verità, kemm hu preparat it-telespettatur Malti li qed jara l-aħbarijiet biex jisma wkoll xi kumment jew botta dwar l-aħbar innifisha, mingħajr ma jirreaġixxi b’mod ħażin? Lesti biex naraw l-aħbarijiet tal-PBS u nisimgħu lill-persuna li qed taqra l-aħbarijiet tgħaddi kumment, anke jekk sottili, li jmur kontra l-partit li aħna nappoġġjaw?

Reno Bugeja, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS isostni mal-ILLUM li fil-każ tax-xandir nazzjonali l-użu tal-kumment waqt ir-rappurtaġġ sempliċiment ma’ jistax isir. Bugeja jgħid li, fil-fatt, kemm ir-regoli kif ukoll il-‘kundizzjonijiet’ politiċi tal-pajjiż ma jagħmlux kummenti waqt il-qari tal-aħbarijiet fuq il-PBS possibbli. “Hija regola kardinali li bħala xandir nazzjonali nistgħu biss nirraportaw,” jgħid Bugeja, li jfakkar ukoll kif “fil-kundizzjoni ta’ sensitività politika li teżisti f’Malta, il-kumment waqt l-aħbarijiet ma tantx jista’ jkun possibbli.”

Imma Reno Bugeja ma jaħsibx li programmi bħall-analiżi tal-ġurnali li jsir kull nhar ta’ Ħadd fuq il-PBS stess, b’botti u kummenti (xi minn daqqiet pjuttost niggieża), huwa mod iktar frisk ta’ kif twassal aħbar? Forsi mod inqas riġidu minn dak li mdorrijin bih? Bugeja jaqbel li huwa l-każ, iżda jfakkar li l-analiżi ssir minn opinjonisti u mhux impjegati li jirrapreżentaw l-istazzjon nazzjonali.

Bugeja jtemm jgħid li kuntrarjament għall-PBS, fuq l-istazzjonijiet politiċi għandek problema, “fejn titfixkel liema parti tal-aħbar hija fil-fatt aħbar, u liema parti hija kumment.” Bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, Bugeja jesprimi sentiment ta’ soljev hekk kif ir-rapport joħroġ lill-aħbarijiet tal-PBS bħala l-aktar kredibbli mill-aħbarijiet fuq stazzjonijiet oħra.

L-aħbarijiet tal-ONE u n-NET jaqilgħu ċamata

Numru ta’ nies li kkontribwew għar-rapport, jgħidu li jippreferu li jaraw l-aħbarijiet tal-PBS, minkejja li jżidu jgħidu wkoll li xi minn daqqiet l-istess aħbarijiet jista’ jkun xi ftit żbilanċjat, anke jekk b’mod sottili. Min-naħa l-oħra, ż-żewġ bulettini l-oħra, tal-ONE u tan-NET, jaqilgħu baraxx ta’ kritika fosthom li huma “wisq żbilanċjati,” “mhux ta’ min joqgħod fuqhom,” u allura ta’ “kwalità inferjuri.” Mingħajr ebda sorpriża, il-kummenti tan-nies dwar l-aħbarijiet taż-żewġ stazzjonijiet politiċi huma ġeneralment fuq il-linja ta’ “wieħed jippreżenta kollox iswed, u l-ieħor kollox abjad.”

Id-drama hija eċċellenti, imma...

In ġenerali, il-produzzjonijiet ta’ drama huma meqjusin bħala ta’ livell għoli, xi ħaġa li hija wkoll ikkonfermata minn studju li sar minn Ernst and Young fl-2008. Jidher li l-entużjażmu għad-drama Maltija kiber ħafna, u fil-fatt mill-isplużjoni tas-soap opera Maltija ‘Ipokriti’ fl-aħħar tas-snin 90, l-istazzjonijiet Maltin bdew ġirja bejniethom ta’ min se jkollu l-aktar u l-aqwa drama lokali.

U minn hemm bdiet lista sħiħa, mill-One Star Hotel, sa Evanġelisti u Giselle, Undercover, Becky u bħalissa qed jintwerew lista ma tispiċċa qatt ta’ drama. Kull fejn tmur, tisma nies li qed isegwu drama li għaddejja bħalissa fuq it-televiżjoni Maltija, u jitkellmu dwar x’ġara u x’qed jistennew li jiġri, bl-aktar popolari jidhru li huma ‘Ħbieb u Għedewwa’, ‘Katrina’, ‘Iċ-Ċaqqufa’ u ‘Strada Stretta’.

Minkejja dan, ir-rapport huwa kritiku tal-fatt, li għal darb’oħra f’dan il-ġeneru, il-Maltin ma tantx qed ikunu avventurużi u qed imorru għas-soltu riċetta ta’ biki, traġedji u aktar biki. Persuna qalet li fid-drama Maltija hemm “doża eseġerata ta’ dipressjoni,” filwaqt li persuna oħra qalet li “dejjem jibdew tajjeb imma mbagħad jibdew jitwalu żżejjed. Id-drama Maltija qegħda fit-triq it-tajba iżda, sfortunatament lejn l-aħħar jgħaxxquha naqra u meta serje suppost jilħaq it-tmiem u l-qofol, jerġa qisu jibda mill-ġdid.”

Programmi ta’ diskussjoni

Jekk l-istazzjonijiet huma mimlijin bid-drama, huma mimlijin ukoll bi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. Ir-rapport huwa xi ftit jew wisq kritiku ta’ dawn, bil-punti bażiċi ta’ kritika jkunu li qed isiru wisq programmi ta’ din ix-xorta. Deċiżjoni li tidher li ma kinitx innotata mill-midja kienet dik fejn l-istazzjon nazzjonali mexxa l-programmi kollha ta’ ġrajjiet kurrenti għal ħinijiet, fejn l-udjenza tkun ferm inqas. Persuna kkwotata mir-rapport tgħid li, sfortunatament, hemm perċezzjoni li l-programmi ta’ diskussjoni lokali huma, “arroganti bil-persuni preżenti li jkunu qed jiddiskutu ma jkunux tolleranti.” Telespettatur ieħor jgħid li f’ħafna mill-programmi kull ma jsir huwa biss paroli u aktar paroli, “kieku xi ħadd qed jiffilmjana niddiskutu hawnhekk nistgħu ngħidu li għandna programm.”

L-ILLUM ikkuntattja lil Quinton Scerri, li qed jippreżenta l-programm Skjetti, li hu l-unika programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon nazzjonali li bħalissa qed isir f’ħinijiet fejn l-udjenza hija ikbar, meta mqabbla mal-programmi ta’ diskussjoni ta’ iktar tard. Din il-gazzetta staqsiet lil Scerri jekk il-popolarità li qed jikseb dan il-programm hux sforz il-ħin li matulu qed jixxandar, jew hux minħabba n-natura, iktar leġġera, tas-suġġetti diskussi.

Il-preżentatur qal li jidher li bħalissa hemm naqra ta’ saturazzjoni f’dak li jikkonċerna politika. “Għandek wisq programmi li jiddiskutu l-politika u għalhekk aħna weġibna billi ġejna bil-kunċett li niddiskutu suġġetti li jiddiskutuhom in-nies id-dar, ix-xogħol jew meta jiltaqgħu ma’ sħabhom iżda li għal xi raġuni, ma kinux qed ikunu diskussi fuq il-mezzi tax-xandir.”

Scerri jammetti li għall-ewwel kien hemm ċertu dubji dwar it-tip ta’ diskussjoni, għax ħafna rawha u forsi għadhom jarawha “taċ-ċajt” imma jgħid li r-rispons mit-telespettaturi huwa wieħed pożittiv ferm.

Il-Popolarità hija kwalita’ ?

Intant ir-rapport jiddiskuti wkoll ir-rabta li hemm bejn il-popolarità ta’ programm u l-kwalità li qed joffri. Dwar dan, ir-rispons mit-telespettaturi kien ivarja u ma jidhirx li kien hemm tweġiba ċara dwar ir-relazzjoni bejn it-tnejn u jekk il-kwalità tiġix sagrifikata għall-poplarità.

L-ILLUM ħa l-kummenti ta’ Peppi Azzopardi, il-preżentatur tal-programm Xarabank, li ħobbu jew obgħodu, ilu l-aktar programm popolari fuq it-TV Malti għal snin twal. Nibdew billi nirrimarkaw li kemm fir-rapport kif ukoll, mill-perċezzjoni ta’ ħafna, il-popolarità mhux neċessarjament tfisser kwalità.

Azzopardi jgħid li hu jasal li jaċċetta li mhux dak kollu li huwa popolari huwa aċċettabbli, “iżda ma jista’ qatt ikollok programm tajjeb li mhux popolari għax min-natura tiegħu, it-televixin huwa medium tal-massa. Jiġifieri meta ma jikkomunikax, ikun qed ifalli fl-essenza tiegħu.” Dwar dan Peppi jtemm jgħid li, “programm jista’ jkun popolari u għalhekk ta’ kwalità imma mhux ta’ kwalità u mhux popolari.”

Intant jekk hemm ħafna nies li jeħlu mat-televiżjoni jaraw Xarabank, daqshekk ieħor hemm oħrajn li jmaqdruh u jgħidu li mhux programm ta’ kwalità. Imma Peppi assolutament ma jaqbilx ma’ dan il-ħsieb u jgħid li hija arti ta’ kull min jagħmel program televiżiv, “li jikkomunika ma’ firxa wiesgħa ta’ nies.”  Huwa jitfa’ botta lejn dawk li jikkritikaw il-livell ta’ Xarabank u jgħid li dawn għadhom jgħixu fil-passat. Azzopardi jgħid li dawn, “iħarsu lejn min jirnexxielu jġib udjenzi kbar bħala “ta’ livell baxx.” Speċi qed jgħidu, ‘tant nagħmel programm ta’ livell għoli li l-intelliġenti biss jarawh.”

Huwa jtemm jgħid li l-programm li jmexxi huwa dwar in-nies, mhux dwar filosofiji u kunċetti astratti, “li jgħaddu minn fuq ras kulħadd.”

More in Socjali