Paceville: Tliet snin u nofs fuq l-ixkaffa

Ma kien implimentat kważi xejn minn rapport dwar Paceville li sar fl-2012

 

L-inċident li seħħ f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wassal biex reġa’ qed jissemma rapport li sar f’Mejju tal-2012, li għalkemm kien pubbliku, ftit li xejn kien hemm diskussjoni dwaru s’issa u bil-wisq inqas kienu implimentati l-proposti li hemm fih. Fost  dawn il-proposti, fir-rapport bl-isem ‘Lejn iktar Sigurtà u bon ordni f’Paceville’, hemm dik għal pjan ta’ kontinġenza f’każi ta’ inċidenti u l-bżonn li ssir għassa fiż-żona.

Dwar il-pjan ta’ kontinġenza, kemm sorsi fi ħdan il-pulizija kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u l-GRTU kkonfermaw mal-ILLUM li dan il-pjan, li skont ir-rapport kellu jsir “biex jekk jinqala’ xi inċident kulħadd ikun imħarreġ dwar x’għandu jagħmel,” fil-fatt qatt ma kien implimentat.

 

Appell qawwi favur Pulizija speċjalizzata għal Paceville

Philip Fenech, il-President tat-Taqsima Turiżmu u Divertiment tal-GRTU, sostna mal-ILLUM li pjan ta’ kontinġenza ħolistiku u totali “qatt ma sar, anke jekk huwa importanti li jsir u konna proponejnieh lura fl-2012. S’issa it-tentattivi f’dan is-sens kienu kollha sporadiċi.” Fenech fakkar kif Paceville kienet żviluppata ftit, ftit mingħajr pjan serju u għalhekk dan il-pjan ta’ kontinġenza, flimkien mar-rapport kollu li hu stess kellu parti importanti fih, kellu jibda jkun implimentat ħafna qabel. “Kieku wara dik id-diskussjoni u r-rispons li kellna lura fl-2012, minn diversi persuni u ‘stakeholders’ bdejna nimplimentaw il-proposti, li għadhom rilevanti ħafna illum, kieku s’issa konna nkunu diġà għamilna passi kbar ’il quddiem.”

Aktar qawwija kienet il-kritika mis-sorsi tagħna qrib il-Korp tal-Pulizija li meta mistoqsija dwar pjan ta’ kontinġenza wieġbu retorikament “pjan ta’ kontinġenza? Xi pjan hu dan? Biex ikollok pjan ta’ kontinġenza jeħtieġ li jkollok pulizija li huma mħarrġin sew u lesti biex jilqgħu għall-isfidi li jiffaċċjaw f’Paceville. Bħalissa, filli jkollok pulizija stazzjonat il-Ħamrun u l-għada jistazzjonawh Paceville. Dak il-pjan ta’ kontinġenza?”

Dwar dan il-punt jaqblu wkoll is-Sindku ta’ San Ġiljan Karl Gouder u Philip Fenech, b’dan tal-aħħar jgħid li fil-Kumitat ta’ Sigurtà mwaqqaf mill-Gvern preżenti “qam il-punt dwar il-bżonn li jkun hemm pulizija speċjalizzata b’diversi modi, fosthom fil-kontroll tal-massa u billi tkun imħarrġa u atrezzata f’każi vjolenti.” Fenech saħaq diversi drabi dwar il-bżonn li l-membri tal-Korp li jkunu assenjati f’Paceville ikunu atrezzati b’dak kollu li hemm bżonn f’każ ta’ xi attakk jew inċident.

Il-Kunsill Lokali ilu jitlob li ssir għassa tal-Pulizija 10 snin

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Karl Gouder, apparti li ikkonferma li ma jaf bl-ebda pjan ta’ kontinġenza li qiegħed ikun implimentat, sostna diversi drabi li waħda mill-aktar soluzzjonijiet importanti hija li jkun hemm aktar Pulizija fiż-żona. “Jien niltaqa’ magħhom u naf li qed jagħmlu xogħol tajjeb, imma l-pressjoni li hemm fuqhom hija kbira ħafna,” qal Gouder li kompla jgħid ukoll kif ma jistax ikun li Paceville tibqa’ moqdija minn l-għassa tal-Pulizija li tinsab f’San Ġiljan. “Il-Kunsill ilu jipproponi li jkun hemm għassa ġdida fil-forma mobbli, kif jipproponi r-rapport,” saħaq Gouder, li meta mistoqsi kemm ilu jagħmel din it-talba l-istess Kunsill wieġeb, “minn meta sirt Viċi Sindku, fl-2005 żgur, jiġifieri 10 snin.”

Ir-rapport imressaq mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali jgħid hekk dwar għassa f’Paceville: “Jista’ jkun ta’ ġid li f’Paceville ikun hemm għassa jew ‘substation’ tal-Pulizija, li mqar tkun miftuħa fil-weekend.”

Proposti relatati mat-traffiku injorati

Intant ma kinux biss il-proposti relatati mal-Pulizija li wara tliet snin u nofs għadhom ma kinux implimentati. Ir-rapport jissuġerixxi li “t-taxi stand għandha titmexxa f’designated area. Preżentament, it-taxis qed ikunu viċin il-pjazza ta’ Paceville u qed ikollhom jirriversjaw wara li jtellgħu n-nies. Dawn għandu jkollhom post għalihom u kull min ikollu bżonn is-servizz imur fid-designated area.”

Illum, tliet snin u nofs wara, is-sitwazzjoni u l-post minn fejn joperaw it-taxis għadu eżattament l-istess.

Fir-rapport hemm ukoll propost hekk: “L-idea tal-Park and Ride hija waħda tajba però jrid isir iktar sforz u jingħataw iktar inċentivi sabiex in-nies jagħmlu iktar użu minn dan il-parkeġġ.”

Sal-lum għadhom ma ttieħdu ebda inċentivi simili u tul il-ġurnata kollha il-Park and Ride ta’ Pembroke, l-eqreb wieħed li hemm għal Paceville, ikun prattikament vojt.

 

Proposti multi massimi ta’ €5,000 għal stabbilimenti mhux aċċessibbli

Intant l-ILLUM tkellem ukoll maċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità (KNPD) Oliver Scicluna li kellu wkoll kliem iebes dwar l-aċċessibilità jew in-nuqqas tagħha f’Paceville.

“Fejn tidħol aċċessibilità għal persuni b’diżabbiltà kollox baqa’ l-istess, jiġifieri diżastru totali.” Fid-dawl ta’ dan, Scicluna qal mal-ILLUM kif il-KNPD ipproponiet li bħala emenda fil-Liġi għall-Opportunitajiet Indaqs tkun imposta multa massima ta’ €5,000 fuq kull stabbiliment li ma jkunx aċċessibbli. Din l-emenda, flimkien ma’ oħrajn qed tkun diskussa fil-Parlament bħalissa.

 

L-ambulanza li ma waslitx

Ir-rapport ‘Lejn iktar Sigurtà u Bon Ordni F’Paceville’ jgħid li skont ‘l-esperti’,  għandu jkun hemm servizz ta’ ambulanza fil-weekend. Il-Millenium Chapel saħansitra pproponew li parti mill-kappella ssir post fejn min iweġġa’ gravi jkun jista’ jingħata l-għajnuna. Mal-ILLUM kemm is-Sindku ta’ San Ġiljan u anke Philip Fenech mill-GRTU saħqu dwar il-bżonn li jkun hemm ambulanza fuq il-post, kif fil-fatt kien hemm għal numru ta’ xhur.

Jidher iżda li mill-2012 lil hawn din l-ambulanza għadha ma waslitx u s’issa Paceville għadu qed jistenna li jkollu din il-klinika mobbli u tabib magħha.

 

Latrina fantażma

Anke sempliċiment latrina baqgħet ma saritx, fil-fatt fis-sezzjoni tal-proposti u suġġerimenti, il-bżonn ta’ latrina tissemma darbtejn. Ir-rapport ifakkar kif b’konsegwenza ta’ nuqqas ta’ latrini pubbliċi “ħafna nies qed jispiċċaw iħammġu t-toroq u l-parapetti ta’ residenzi privati.”

Meta kkuntattjat minn l-ILLUM is-Sindku Gouder ikkonferma dan in-nuqqas u qal li suppost lejn l-aħħar tas-sena, l-Gvern se joħroġ linji gwida ta’ kif jistgħu jkunu mmaniġġjati.

 

 

More in Socjali