It-Traffiku, il-Korruzzjoni u l-Immigrazzjoni l-iżjed li qed jinkwetaw lill-Maltin

81% jħossuhom ġeneralment sodisfatti b'ħajjithom

It-traffiku, il-korruzzjoni u l-immigrazzjoni huma l-iżjed tlett affarijiet li qed jikkonċernaw lill-Maltin. Dan ħareġ minn riżultati ta’ stħarriġ li għadu kemm sar minn InsightPolls, meta mqabbel ma’ stħarriġ li kien sar f’Ġunju li għadda, l-ambjent għalissa jidher li mhux qed ikun kunsidrat bħala problema.

L-istħarriġ, li ħadu sehem fih madwar 514 persuna, dawk li rrispondew ingħatatilhom lista ta’ kwistjonijiet differenti u kienu mitluba jelenkaw l-iżjed li qed jinkwetawhom. 

Meta mistoqsija dwar x'inkuma l-probemli ewlenin li jħossu li qed taffaċja Malta, 43% tal-persuni wieġbu li għalihom, hija t-traffiku. Fit-tieni post kien hemm il-korruzzjoni li ammontat għal 21% ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ. L-immigrazzjoni wkoll kienet problema li n-nies raw li Malta qed taffaċja, b'20%. Il-problemi l-oħra li ssemmew kienu l-ambjent, l-edukazzjoni, il-liġi u l-ordni pubblika, is-sitwazzjoni internazzjonali, l-ekonoomija u s-saħħa, waqt li l-qgħad kien fl-aħħar post b'inqas minn 1%.

L-oqsma ekonomiċi jidhru li mhumiex kunsidrati bħala problema bħalissa. Barra minhekk fiż-żmien li sar l-istħarriġ, is-sitwazzjoni internazzjonali ma kinitx meqjusa bħala waħda ta’ tħassib. Wieħed irid għalhekk jikkunsidra li dan l-istħarriġ sar qabel il-Valletta Summit u l-attakki terroristiċi f’Pariġi. 

It-traffiku bħalissa huwa meqjus bħala l-problema ewlenija, hi x’inhi l-età. Għaldaqstant filwaqt li dawk il-persuni taħt il-45 sena semmew l-immigrazzjoni bħala t-tieni l-akbar problema, dawk ta’ ‘l fuq minn 45 sena jaraw il-korruzzjoni bħala t-tieni l-akbar problema. Għan-nisa, l-akbar problema hija t-traffku u l-immigrazzjoni filwaqt li għall-irġiel, wara t-traffiku qalu li l-korruzzjoni hija t-tieni l-akbar problema.

Fuq livell personali, dawk li wieġbu għall-istħarriġ, fil-maġġoranza tagħhom qalu li t-traffiku hija l-aktar ħaġa ta' tħassib għalihom. Wara t-traffiku, l-affarijiet li jinkwetawhom huma d-dħul finanzjarju, l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-għoli tal-ħajja.

Kien hemm uħud minn dawk li wieġbu li qalu li inġustizzji personali u xogħol stabbli kienu ta' problema u tħassib għalihom personalment.

Dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ iħossuhom ġeneralment sodisfatti b’ħajjithom. Fil-fatt 81% qalu li huma sodisfatti ħafna jew mhux ħażin sodisfatti filwaqt li 19% qalu li ftit huma sodisfatti jew li mhuma sodisfatti xejn.

L-istħarriġ staqsa wkoll kemm huma sodisfatti dwar il-Budget. 58% qalu li huma sodisfatti ħafna jew mhux ħażin sodisfatti filwaqt li 42% qalu li mhumiex sodisfatti jew li mhuma sodisfatti xejn. Persuni taħt il-35 sena dehru li kienu iżjed sodisfatti dwar il-Budget minn persuni li huma ta’ ‘l fuq minn 35 sena.

More in Socjali