Iktar minn 50 opra tal-arti għall-irkant b’risq il-Community Chest Fund

Imnedija l-Fine Arts Auction għall-ewwel darba fil-Palazz Verdala

Ritratti: OPR
Ritratti: OPR

Għall-ewwel darba l-Fine Arts Auction se ssir fil-Palazz Verdala, b’aktar minn ħamsin opra ta’ arti minn artisti rinomati lokali u internazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-artisti Maltin u dawk internazzjonali li permezz tat-talenti artistiċi tagħhom qegħdin jgħinu lil tant nies li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. 

Il-President faħħret lill-artisti għax-xogħol imprezzabbli li qed jagħtu għal dan l-irkant u faħħret il-ġest altruwistiku tagħhom li permezz tal-arti qegħdin jgħinu lil min jispiċċa f’sitwazzjoni vulnerabbli. Il-President irringrazzjat ukoll lill-kumitat li ħadem tant biex dan l-irkant ikun suċċess u jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.

Waqt li ġiet varata l-Fine Arts Auction tkellem iċ-chairman tal-kumitat tal-Fine Arts Auction, is-Sur Mario Gauci Junior, li spjega kif madwar ħamsin artist lokali u internazzjonali għoġobhom jagħtu minn qalbhom l-arti tagħhom biex permezz tagħha jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Is-Sur Gauci spjega kif min hu interessat li jixtri uħud mill-arti esebita jista’ jirrikorri l-Palazz Verdala mill-Ħamis 19 ta’ Novembru sal-21 ta’ Novembru, bejn l-10am u s-6pm biex ikun jista’ jara l-opri artistiċi li se jkunu qed jiġu rkantati s-Sibt li ġej fil-Palazz Verdala fis-7pm.

Is-Sur Gauci spjega li min huwa interessat fl-arti li se tiġi rkantata s-Sibt jista’ jagħmel l-offerta tiegħu billi jagħmel kuntatt mas-segretarja tal-kumitat fuq 7901 7158 bil-għan li jkun jista’ wkoll jattendi għas-serata ta’ rkant is-Sibt li ġej.

Il-katalgu tal-Fine Arts Auction, minbarra li se jiġi offrut lil kull min jattendi l-Palazz Verdala, jinsab ukoll online.

 

More in Socjali