Ġest nobbli mill-iskola sekondarja tal-Imrieħel

L-istudentital-Kulleġġ Santa Tereża jitilqu għaċ-Charity Fun Run (Ritratt - Tony Sammut)
L-istudentital-Kulleġġ Santa Tereża jitilqu għaċ-Charity Fun Run (Ritratt - Tony Sammut)

Għal sena oħra, l-iskola sekondarja tal-Imrieħel, fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża organizzat iċ-Charity Fun Run. Għal darb’oħra l-istudenti ta’ din l-iskola ġabru somma sabiħa biex jagħtuha lill-għaqdiet mhux governattivi. Fis-sitta u għoxrin edizzjoni ta’ din il-Fun Run inġabru mat-tminn t’elef u mitejn ewro. Parti sostanzjali minn dawn il-flus marru għal Fondazzjoni Marigold. Preżenti għal ftuħ ta’ din il-Fun Run kien hemm mart il-Prim Ministru, is-Sinjura Michelle Muscat. Fil-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, Michelle Muscat għaddiet il-bandiera Maltija lil rappreżentanta tal-istudenti biex b’hekk bdiet il-Fun Run ta’ kilometru u nofs.

F’indirizz qasir li għamlet eżatt wara l-Fun Run, Michelle Muscat faħħret din l-inizzjattiva u spjegat ix-xogħol li tagħmel il-Fondazzjoni Marigold, li tagħha hija ċ-Chairperson. F’isem il-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Muscat li hija eks-studenta f’din l-iskola għaddiet għotja ta’ ħames mitt ewro. Dawn il-flus mistennija jintefqu f’xiri ta’ kotba għal-librerija tal-iskola.

Għal din il-Fun Run ħadu sehem madwar elf student/a u l-flus miġbura fl-edizzjoni ta’ din is-sena marru b’risq kif ġej;

•         Il-Fondazzjoni Marigold (40%)

•         Il-Fondazzjoni Inspire (15%)

•         Il-Fondazzjoni St. Jeanne Antide (15%)

•         Cystic Fibrosis Trust (15%)

•         Il-Fond Benevolenti tal-iskola (10%)

•         L-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (5%)

 

More in Socjali