‘Il-qraba għandhom ikunu infurmati meta anzjan ikun marbut’

“Jagħtih dillirju, jaqla’ d-drip minn idejh u l-catheter mill-parti tiegħu. Tista’ timmaġina kemm kienet xena kerha, bid-demm jinxtered kullimkien”

Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea sostna mal-ILLUM li jeżisti l-bżonn li l-Gvern iniedi politika u gwida ċara dwar il-prattika klinika li qed isseħħ fl-Isptar San Vinċenz De Paule fejn anzjani bi problemi ta’ mobilità jew imġiba, ikollhom il-moviment fiżiku tagħhom ristrett. Din ir-restrizzjoni tista’ sseħħ permezz tal-użu ta’ ‘harness’, fost l-oħrajn, u hija prattika klinika li tintuża f’ħafna sptarijiet u djar tal-anzjani madwar l-Ewropa.

Ma’ dan, jaqbel ukoll il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, Anthony Mulè Stagno li qal kif fid-dawl tal-fatt li hemm diverġenzi fuq it-tħaddim ta’ din  il-prattika, huwa iktar neċessarju li jkun hemm linji gwida ċari.

Ħafna drabi, dan il-proċess ta’ rbit permezz ta’ ‘harness’, ċinturini apposta jew f’każijiet estremi anke permezz ta’ kimiċi antipsikotiċi jsir għal raġunijiet ta’ diżabilitajiet severi, dipendenza kważi assoluta, problemi ta’ mobilità, problemi serji ta’ mġiba, diżillużjoni u dillirju wara operazzjoni, disturb kognittiv u passat riċenti ta’ waqgħat kontinwi. Il-proċess jipprova jissalvagwardja lill-anzjani milli jweġġgħu lilhom infushom jew lil ħaddieħor waqt li jkunu qed jieħdu l-kura.

It-tabib u Deputat Laburista Deo Debattista ma jogħmodhiex wisq u jammetti li l-prattika minnha nnifisha mhix waħda pjaċevoli, għalkemm f’ċerti każi, hija sfortunatament bżonnjuża. Minkejja dan, huwa jibda bil-premessa li jħoss li qabel ma jsir il-proċess li l-anzjan jew il-pazjent jintrabat, il-qraba għandhom ikunu mgħarrfa b’dak kollu li jkun se jseħħ. “B’hekk ikun hemm preparazzjoni tal-proċess, minflok li l-qraba jaslu l-isptar u jsibu lill-ommhom jew missierhom marbutin.” Ma’ dan jaqbel ukoll it-Tabib, Ġerontologu u Deputat Laburista Anthony Aguis Decelis li jfakkar li dan il-proċess ta rbit permezz ta’ ‘harness’ isir meta l-pazjent jista’ jkun ta’ periklu għalih innifsu, billi fost affarijiet oħrajn, jaqla’ d-drip minn ma’ jdejh.

Iżda ma’ din il-pożizzjoni ta’ Debattista u Aguis Decelis jaqblu wkoll C.Gastmans miċ-ċentru tal-Etika Biomedika u K.Milisen miċ-ċentru tas-Servizzi tas-Saħħa u r-Riċerka fl-Infermerija tal-Università ta’ Leuven fil-Belġju. F’rapport miktub minnhom fl-2006 dawn jgħidu li biex tkun rispettata l-awtonomija tal-anzjan, id-dar jew l-infermiera “għandhom jipprovdu informazzjoni, kemm jista’ jkun b’mod oġġettiv u b’mod li jinftiehem, dwar it-trattamenti possibbli, in-natura tagħhom u l-effetti kull meta tkun ikkunsidrata r-restrizzjoni fiżika ta’ anzjan.”

Ritratt tat-tabib Deo Debattista

Anke l-British Medical Association fil-ktieb gwida, ‘The Ethics of Caring for Older people’ tiċċara li qabel kollox, id-dar jew l-infermier jeħtieġ li jikkonvinċi bl-aħjar mod lill-pazjent għalfejn ikun se jsir l-irbit. Tkompli tgħid iżda li f’każ fejn din il-prattika tista’ twassal għal stress żejjed fuq il-pazjent, għandhom ikunu evalwati alternattivi oħrajn, fosthom li jkunu mgħarrfin bil-proċess il-qraba u dawk l-aktar qrib tal-pazjent.

Rajtu jaqla’ d-drip u d-demm jinxtered ma’ kullimkien

It-Tabib Debattitsta jiftakar f’każ ta’ pazjent partikolari li ma kienx marbut mill-ewwel wara l-operazzjoni, u l-konsegwenzi kważi traġiċi, li dan il-fattur wassal għalih. “Ilu ftit issa, imma niftakar pazjent li kellu bżonn ikollu d-drip u catheter. Il-pazjent in kwistjoni kien pjuttost b’saħħtu u niftakar li wara l-operazzjoni kien qed iħossu mħawwad u kien diżilluż, li hi xi ħaġa normali. F’daqqa waħda”, ikompli Debattista, “jtih dillirju, jaqla’ d-drip minn idejh u l-catheter mill-parti tiegħu. Tista’ timmaġina kemm kienet xena kerha, bid-demm jinxtered ma’ kullimkien”

Ritratt Anthony Aguis Decelis

F’dan il-punt, Debattista staqsa x’għandu jagħmel tabib jew infermier f’każijiet bħal dawn u jekk allura jagħmilx sens li l-persuna ma tkunx marbuta b’xi mod meta tkun ta’ periklu anke għaliha nnifisha. “Vera li mhux xi ħaġa pjaċevoli, imma xi drabi biex ikun sigur il-pazjent stess, ikun aħjar li jsir dan il-proċess.”

Qisni għasfur ġo gaġġa

Intant rapport ta’ Gastmans u Milisen msejjaħ ‘The Use of Physical Restraint in Nursing Homes; Clinical-ethical Considerations,’ juri kif il-prattika hija milqugħa b’modi differenti mill-anzjani u l-pazjenti. Għal uħud din il-prattika tista’ twassal għal iktar sigurtà u stabbiltà, imma għal oħrajn dan il-metodu ta’ restrizzjoni huwa meqjus bħala, “Telf ta’ dinjità u rispett lejk innifsek, telf ta’ identità, iżolazzjoni u mistħija.” L-istess rapport jelenka numru ta’ stqarrijiet minn anzjani stess li kellhom ikunu marbutin b’kumment partikolari jkun ,“nħossni qisni għasfur ġo gaġġa.”

Kemm Debattista, kif ukoll Aguis Decelis jaqblu li huwa neċessarju li kull każ ikun evalwat għalih u li l-prattika ma tkunx eżegwita għal kulħadd l-istess. Dan il-punt isib l-insistenza tal-British Medical Association ukoll li, tmur pass oltre minn hekk u tgħid li l-irbit u restrizzjoni ta’ persuna għandha tkun l-aħħar għażla. Fil-fatt tgħid hekk, “Imġiba mqallba jew li ttellef, hija ġeneralment ir-riżultat ta’ bżonnijiet li mhux jintlaħqu jew in-nuqqas ta’ komunikazzjoni.  Jekk l-għeruq tal-imġiba ħażina jinftiemhu aħjar, ikun aktar faċli li l-problema tkun indirizzata mingħajr il-bżonn li l-pazjent ikun ristrett.” Anke fejn m’hemmx għażla, l-Assoċjazzjoni tagħmilha ċara li l-azzjoni jeħtieġ li tkun proporzjonata mal-gravità tal-imġiba tal-pazjent.

Ritratt Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea            

‘Għandna bżonn politika ċara dwar il-prattika’

Intant l-ILLUM għamel kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) Colin Galea, li min-naħa tiegħu saħaq dwar il-bżonn li sptarijiet u djar tal-anzjani f’Malta jkollhom gwida ċara dwar il-prattika. Fil-fatt, huwa kkonferma li bħalissa la l-infermieri u lanqas il-konsulenti m’għandhom gwidi ċari, iswed fuq l-abjad, dwar kif u meta pazjent għandu jkun marbut.

Huwa jispjega kif il-prattika, la hija feliċi u lanqas xi ħaġa li l-infermiera jieħdu gost jagħmlu, għalkemm jaċċerta li, “d-deċiżjoni dwar l-użu ta’ ‘harness’ jew oġġetti oħrajn għall-irbit dejjem tittieħed wara konsultazzjoni sħiħa mal-konsulenti mediċi u dejjem tkun l-aħħar għażla.”

Galea spjega wkoll kif wara din il-prattika hemm żewġ realtajiet oħrajn li jeħtieġ jittieħdu f’kunsiderazzjoni. Dawn huma l-kunflitt bejn il-bżonnijiet tal-pazjent u n-nefqa kif ukoll xi miżuri dixxiplinarji li jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-infermier. Ifakkar kif li ma torbotx persuna li jista’ jkollha problemi kbar ta’ mobbiltà, tista’ tfisser li jrid jitpoġġa taħt osservazzjoni kontinwa, li tfisser li jkun hemm bżonn ta’ ħafna riżorsa umana u spejjeż akbar. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm politika u gwida ċara biex ikun ċar dejjem u f’kull każ individwali meta għandha tintuża din il-prattika, kompla jgħid Galea.

Dwar il-miżuri dixxiplinarji, Galea jgħid li f’San Vinċenz, jekk pazjent jaħrab, li hi xi ħaġa li tista’ tiġri f’każ ta’ persuna li għandha d-dimensja, jkun penalizzat l-infermier. “Għalhekk, dan ipoġġi fuq l-infermier iktar pressjoni,” sostna s-Segretarju Ġenerali tal-MUMN.  

Is-segretarju tal-Kunsill Nazzjonali għall-Anzjani, Anthony Mulè Stagno kien pjuttost sorpriż dwar din il-prattika, li fil-fatt għadha waħda li ftit kienet diskussa, anke internazzjonalment. Meta mistoqsi mill-ILLUM, Mulè Stagno qal li wieħed ma jistax iwieġeb il-mistoqsija dwar jekk il-prattika hix etika jew le, imma jrid iħares lejn kull każ b’mod individwali u juża linji gwida, meta u jekk dawn ikunu eżistenti. Intant, huwa ċċara li din hija l-opinjoni personali tiegħu, minħabba li l-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, għadu qatt ma ddiskuta l-kwistjoni

More in Socjali