Wieħed mill-isbaħ rigali li tani Alla kien li bagħatni 'gay' - CEO tal-Apple

Is-CEO tal-Apple tkellem dwar is-sesswalità tiegħu għall-ewwel darba

Tim Cook kburi li hu 'gay'
Tim Cook kburi li hu 'gay'

Il-Kap Eżekuttiv tal-Apple Tim Cook tkellem għall-ewwel darba dwar is-sesswalità tiegħu, "Ħa nkun ċar: Kburi li jien 'gay', u nikkunsidra li jien gay bħala wieħed mill-isbaħ rigali li Alla tani."

Cook qal li ma kinitx għażla faċli li jiddiskuti l-ħajja privata tiegħu. Għax hu qed jitkellem bħala l-Kap Eżekuttiv ta' waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja fi klima fejn "il-figuri pubbliċi li ħarġu s-sesswalità tagħhom fil-pubbliku, bidlu l-perċezzjonijiet u għamlu l-kultura tagħna aktar tolleranti."

Huma ħafna n-nies, partikolarment tfal, li jiffaċċjaw il-biża' u l-abbuż ta' kuljum dwar l-orjentazzjoni sesswali.

"Ma nqisx ruħi bħala attivist, iżda nirrealizza kemm ibbenefikajt minn sagrifiċċju ta' ħaddieħor. Għalhekk jekk nisma' li l-Kap Eżekuttiv tal-Apple hu 'gay' jista' jgħin lil min qed jiġġieled favur l-orjentazzjoni tiegħu, jew iġġib ftit ta' kumdità lil min iħossu waħdu, jew taspira nies li jiġġieldu għall-ekwalità tagħhom, allura jkun jaqbel li nkun ħriġt fil-beraħ" qal Tim Cook.

Madwar id-dinja li tkun 'gay' hu llegali f'76 pajjiż, skont ir-rapport Internazzjonali tal-LGBTI u hemm ħames pajjiżi li jekk tinstab li inti omosesswali tingħata l-forka. Tim Cook qal ukoll li hemm stati fl-Amerika fejn l-omosesswali jistgħu jitilfu x-xogħol tagħhom minħabba s-sesswalità tagħhom u hemm sidien ta' proprjetà li anke jkeċċu minn djarhom nies li jkunu omosesswali.

More in Socjali