Annimali eżotiċi f'20 tomna fis-Siġġiewi

Fi ftit żmien ieħor dan ir-razzett ta' tagħmir se jikber għal 34 tomna

Din il-ġimgħa kelli esperjenza xejn tas-soltu. Dik li mmur l-Arka ta’ Noe u niltaqa’ ma’ koppja tigri, koppja alpaki, koppja lemurs, koppja żebri, koppja ħmir, koppja xadini, koppja emu, koppja kangarus, ħafna koppji ċriev, ħafna koppji pappagalli, mogħoż tal-muntanja u diversi tipi ta’ għasafar eżotiċi, skojjatli u papri ta’ kull tip. 

Din l-Arka ta’ Noe tinsab is-Siġġiewi. Hawnhekk Anton Cutajar ta’ 38 sena bidel barriera f’razzett tat-tagħmir ta’ annimali li m’hawnx bħalhom f’pajjiżna. Iltqajt ma’ Anton u kelli esperjenza li qatt ma stennejt, dik li narah jitkellem mal-annimali kollha li għandu li kollha jafhom b’isimhom u jweġbuh.

Kif dħalt f’dan il-post enormi, imqaxxar bl-indafa u bla ebda riħa ta’ annimali jew eskriment tal-annimali, laqagħni bl-għajta ta’ ‘Hello’ minn wieħed mill-makaws li bħalissa huma mgħottija għax jinsabu fi żmien it-tagħmir.

Dan ir-razzett jew aħjar l-Arka ta’ Noe għalissa fih 20 tomna art, iżda fi ftit żmien ieħor dawn se jsiru 34 tomna biex jikbru d-daqs tal-gaġeġ u anke jikbru n-numru ta’ annimali eżotiċi.

L-ewwel dħul trijonfali se jkunu żewġ iljuni bojod li diġà nxtraw u jinsabu kwarantina. Il-post għalihom qed jitħejja u se jkollhom 400 metru kwadru fejn jimirħu.

Ħafna koppji ċriev, fosthom Ħamra, iċ-ċerva ħamranija li Anton jgħajtilha u taraha ġejja tiġri lejh
Ħafna koppji ċriev, fosthom Ħamra, iċ-ċerva ħamranija li Anton jgħajtilha u taraha ġejja tiġri lejh

Xi ħaġa li laqtitni u żgur li se tibqa’ f’moħħi hi l-mod kif Anton kapaċi jikkomunika ma’ kull annimal li għandu. Jitkellem mal-‘ħamra’ li hi ċerva ħamranija u kif jgħajtilha taraha ġejja tiġri ħdejh. Jitkellem mal-‘pupa’ tiegħu, il-kokka imperjali li twieġbu b’għajta tagħha. Ix-xadin li twieled hemm Ġinġer li jintrefa’ ’l fuq meta jarah se jitlaq minn ħdejh. L-alpaka li laqqagħha miegħi qalilha biex tbusni u kif ġiet ma’ ħalqi besqitli u daħħaqt lil kulmin kien hemm!

Ħafna mill-annimali huma mgħammra. Il-mod kif Anton imellishom u jieħu ħsiebhom, joffri ċertu sens ta’ armonija u mħabba li taraha bejn il-bniedem u l-annimal.

Kangaru ċkejken fl-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi
Kangaru ċkejken fl-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi
“Dan ir-razzett fih 20 tomna, u issa daqt jikber għal 34 tomna”

“L-uniku annimal li ma nistax nagħmel kuntatt miegħu hu l-emu. M’għandekx ċans li jagħmel kuntatt mal-bniedem. It-tigri u jien vera konna ħbieb iżda minn meta t-tigra saret omm ta’ erbat ifrieħ, inbidlet miegħi u ma nistax nafdaha. Dan l-aħħar kont qed nilgħab mat-tigra maskili u laqatni bi snienu u għamilli 10 punti f’subgħajja, allura m’għadnix nidħol ħdejhom.”

Mistoqsi minfejn iġibhom dawn l-annimali qalli li kollha mill-Ewropa jġibhom u jgħammarhom u jbiegħhom, f’Malta, kif ukoll barra. Huma d-diversi annimali li welldu fir-razzett tiegħu, fejn bħalissa hemm il-ħmara, iż-żebra u t-tigra li huma tqal. 

“Jien inżommhom indaf ħafna. Għax nemmen li dak li hu tajjeb għalija hu tajjeb għalihom. Għandi żewġ impjegati jnaddfulhom il-ħin kollu, l-ilma jinbidlilhom darbtejn kuljum, u l-ikel li jingħataw hu ikel li tajjeb għalija. Jekk ix-xadini nagħtihom l-għeneb mhux se nagħtihom għenba ħażina.”

Anton qalli li qabel jingħata l-permessi meħtieġa biex iġib dawn l-annimali Malta, imur għand il-veterinarju tal-Gvern u jara li fejn se jitpoġġew ikun komdu għalihom. “Barra hekk kull ġimgħa jiġi l-veterinarju hawnhekk. Għax jien noqgħod b’seba’ mitt għajn biex nara li ma jimirdux, waħda għax inħobbhom u l-oħra għax jekk jimirdu flus nitlef.”

Anton m’għadux jidħol ħdejn it-tigra minħabba li minn meta saret omm saret iktar protettiva fuq uliedha
Anton m’għadux jidħol ħdejn it-tigra minħabba li minn meta saret omm saret iktar protettiva fuq uliedha

Mistoqsi jekk dan ix-xogħol jagħmlux għal flus jew għall-imħabba lejn l-annimali qalli li għat-tnejn, “iżda jien minn meta kont żgħir kelli ħolma li nrabbi annimali li m’għandniex hawn Malta.”

U issa x’ħolma għandu? Qalli “li niftaħ zoo b’differenza.”

Dan ir-razzett ilu miftuħ seba’ xhur u Anton qalli li jħossu fil-ġenna tal-art jqatta’ ħinu ma’ dawn l-annimali. S’issa mhux qed idaħħal nies jaraw l-annimali ħlief tfal bl-awtiżmu jew b’xi bżonnijiet speċjali biex igawdu l-annimali mill-viċin. Kulmeta mort ħdejn xi annimal qalli, “Qatt tmur bil-ġirja fuq annimal. Ħallih jiġi hu għalik għax jekk tmur fuqu taf tbeżżgħu u jattakkak.”

Din l-esperjenza fl-Arka ta’ Noe u l-mod kif Anton kapaċi jkellem l-annimali kienet xi ħaġa li ġiegħltu jwegħedni li jerġa’ jistedinni meta jaslu l-iljuni, għax qabel jikbru rrid naqbadhom fi ħdani.

More in Socjali