Żewġ persuni, lebsin crash helmet, jisirqu lukanda f’Tas-Sliema

Żewġ persuni, wieħed minnhom armat b'arma tan-nar, jisirqu minn lukanda fi Triq Windsor, it-Tnejn filgħaxija

Wara li tahom ammont ta’ flus kontanti li kien hemm fir-reception, il-ħallellin ordnaw lill-impjegat sabiex jeħodhom fis-sular fejn jinżammu l-flus. (Ritratt: Quang Nguyen Vinh / Pexels)
Wara li tahom ammont ta’ flus kontanti li kien hemm fir-reception, il-ħallellin ordnaw lill-impjegat sabiex jeħodhom fis-sular fejn jinżammu l-flus. (Ritratt: Quang Nguyen Vinh / Pexels)

Żewġ persuni serqu lukanda f’Tas-Sliema, bir-reception tal-binja jaħrab bl-eżatt wara li ordnawlu jeħodhom fil-kamra tal-flus.

Il-pulizija qalet li s-serqa seħħet it-Tnejn, ftit qabel nofsillejl, minn lukanda fi Triq Windsor, Tas-Sliema.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġ persuni, lebsin crash helmet u allegatament wieħed minnhom kien armat b’arma tan-nar, daħlu fil-lukanda u talbu l-flus lill-impjegat, Indjan ta’ 29 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Wara li tahom ammont ta’ flus kontanti li kien hemm fir-reception, il-ħallellin ordnaw lill-impjegat sabiex jeħodhom fis-sular fejn jinżammu l-flus, filwaqt li bdew li jhedduh bl-arma tan-nar.

Kif kienu sejrin f’dan is-sular, ir-raġel irnexxielu jaħrab, issakkar f’kamra u ċempel għall-għajnuna.

L-allegat ħallelin, kif raw hekk ħarbu minn fuq il-post bil-flus li kienu serqu mir-reception.

L-impjegat sofra minn xokk qawwi.

Bil-każ ġiet infurmat il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, li anke ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija