Il-bini li qatel lil Sofia ma kellu l-ebda struttura tappoġġjah, jixhed espert

Il-perit responsabbli tal-proġett ta’ kostruzzjoni li wassal għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia, kien konxju ta’ ċerti standards applikabbli għall-bini iżda ma kienx avża lill-bennejja kif jinfurzawhom

Il-perit responsabbli mill-proġett ta’ kostruzzjoni li wassal għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia kien konxju tal-istandards tal-bini applikabbli għall-bini tal-briks, iżda ma kienx qal lill-bennejja kif għandhom jinfurzawhom, intqal fil-qorti it-Tnejn filgħodu.  

Il-perti Alex Torpiano, li kien inħatar biex jassisti fl-inkjesta maġisterjali ta’ Sofia, tegħa jixhed kontra Matthew Schembri, Kurt Buhagiar, Milomir Jovicevic, Dijana Jovicevic u l-perita Adriana Zammit. 

Il-ħamsa li huma jinsabu akkużati fuq negliġenza li wasslet għall-mewt ta’ Sofia u li weġgħu ħamsa oħra meta iġġarraf il-bini. 

Torpiano sostna li 25% tal-ħajt biss kien inbena, u l-appoġġ li kellu jinbena biex ikun ta’ sapport għat-taraġ qatt ma sar. Huwa kompla jgħid li l-kollas kien ta’ malajr, 4 jew 5 sekondi biss dam sakemm iġarraf kollu kemm hu. 

Tropiano pponta subgħajh għall-ħajt li ma kellu l-ebda struttura tappoġġjah, u anke toqob kbar fil-ħajt fejn eventwalment kellhom ikunu twieqi. 

 

Ir-raġuni  għaliex waqa’ l-bini kienet minħabba n-nuqqas ta’ rbit bejn l-elementi strutturali, spjega l-perit. Huwa kompla jgħid, li kien imissu kien hemm biżżejjed rabtiet biex jipprevjenu li jiġġarraf kollu kemm hu, iżda dan juri li ma kienx hemm rabtiet. 

Il-pjanijiet kienu inkludew rinforzi tal-metall, iżda ma kinux jinkludu struzzjonijiet dwar fejn jiġi ankrat il-metall, u għalhekk ma sarx, żied jgħid

Il-Prof Torpiano żied jgħid li kien hemm ukoll nuqqas ta’ għarfien min-naħa tal-ħaddiema impjegati. Il-perit qal li mill-bennejja li baqħu ħajjin, wieħed biss kien irċieva taħriġ rilevanti f’pajjiżu u kien temm kors ta’ nofs ta’ nhar f’Malta. “L-oħrajn ma kinux jafu x’qed jagħmlu.”

Fuq il-perita Adriana Zammit, Torpiano  qal “Ma naħsibx li żaret is-sit biżżejjed biex tinnota li l-ħajt ma kienx qed jintrabat kif kellu jkun. Ix-xogħlijiet ma kinux issorveljati mill-kuntrattur, iżda minn sid il-plott, u għalhekk lanqas biss kellhom dik is-superviżjoni.” 

L-użu ta’ lingwa differenti setgħet kienet ukoll fattur li xekkel il-komunikazjoni , issuġġerixxa Giglio, u żied li Matthew Schembri qal li ukoll jinterpreta għal xi wħud mill-ħaddiema.

Il-materjal tal-bini użat lanqas kien ideali għall-proġett maħsub, żied jgħid il-Prof Torpiano, li spjega li minkejja li kien ġabar kampjuni mis-sit, kien iddeċieda li ma jittestjahomx għax ma kienx hemm indikazzjoni ta’ liema parti tal-bini kien.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza se tkompli aktar tard dan ix-xahar.

L-ispetturi tal-Pulizija Paul Camilleri u Antonello Magri qed imexxu l-prosekuzzjoni.

L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jirrappreżentaw lil Isabelle Bonnici u John Sofia, il-ġenituri tal-vittma, bħala parte civile.

L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-iżviluppaturi, Kurt Buhagiar u Matthew Schembri. Steven Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-perit Adriana Zammit. L-Avukat Timothy Bartolo qed jassisti lill-kuntrattur tal-bini Miromir Jovicevic u lil martu Dijana, li hija waħda mid-diretturi tal-kumpanija ta’ Jovicevic, Milmar Construction.

More in Qrati u Pulizija