Arrestat raġel b'rabta ma' serq minn vetturi

Raġel ta’ 49 sena ġie arrestat ftit minuti wara li allegatament kien ħadu kemm wettaq serq minn vetturi fi Sqaq il-Laqx, in- Naxxar

Azzjoni immedjata mill-Pulizija wasslet sabiex matul il-lejl li għadda ġie arrestat raġel ta’ 49 sena, ftit ħin biss wara li allegatament kien għadu kemm wettaq serq minn vetturi. 

Għall-ħabta tal-11:00pm il-Ħamis, il-Pulizija ġiet infurmata li fi Sqaq il-Laqx, in- Naxxar kien hemm raġel suspettuż li deher qed jisgassa karozza. 

Immedjatament il-Pulizija marru fuq il-post u bdew bl-investigazzjonijiet neċessarji, fejn irriżulta li fl-akwati kien hemm żewġ karozzi li minnhom insterqu xi affarijiet. 

Minnufih il-pulizija bdew b’rodni fil-madwar, li wasslu biex l-allegat ħalliel jiġi arrestat madwar ħmistax-il minuta biss wara f'Ħal Għargħur. 

Minn tfittxija li saret fuqu nstabu l-affarijiet li kienu ġew irrappurtati misruqa. 

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana, fejn mill- investigazzjonijiet illi saru mhuwiex eskluż li s-suspettat wettaq serqiet oħra simili. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin 

More in Qrati u Pulizija