Ma jingħatax il-libertà proviżorja wara attentat ta' stupru fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 28 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq ħmistax-il akkuża, li kienu jinkludu attentat ta’ stupru tal-eks sieħba tiegħu

Ilbieraħ, raġel ta’ 28 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq ħmistax-il akkuża, li kienu jinkludu attentat ta’ stupru tal-eks sieħba tiegħu.

L-imputat, li mhux qed jissemma sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja tal-mara inkwistjoni, ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Jannar li għadda, wara li ngħata l-libertà proviżorja f’każ ta’ vjolenza domestika li jikkonċerna l-istess mara.

Fil-Qorti ntqal li huwa mifhmu li l-koppja reġgħu flimkien għal żmien qasir wara l-ħelsien mil-arrest tar-raġel, sakemm seħħ l-inċident fl-5 ta’ Frar. 

F’dik id-data nqala’ argument bejn it-tnejn li żvolġa fi vjolenza għall-ħabta tal-10pm, bl-imputat ikun allegat li weġġa’ serjament lill-mara qabel ma pprova jistupraha.

Fil-Qorti ntqal li hu kien ħa wkoll il-mowbajl tagħha dak il-ħin. Minkejja dan, il-mara kienet irnexxielha taħrab u marret tagħmel rapport fl-għassa.

Waqt l-aggressjoni l-mara sofriet ukoll ġrieħi fil-wiċċ, li skont l-avukati tagħha jista’ ikun hemm bżonn ta’ operazzjoni. 

Fil-Qorti tressqet it-talba ta’ mhux ħati. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.

L-Avukat Mario Mifsud assista lill-imputat.

L-Ispettur Audrey Micallef qed tmexxi l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Colin Galea qed jidher għall-mara bħala parte civile.

More in Qrati u Pulizija