Xufier irrifjutat tag għat-tieni darba, wara li snin ilu nstab ħati ta’ stupru

Qorti tal-Appell tirrifjuta għat-tieni darba xufier milli jingħata t-tag wara li kien instab ħati ta’ stupru u korruzzjoni ta’ minorenni snin ilu 

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat deċiżjoni ta’ Transport Malta li tirrifjuta applikazzjoni għall-permess ta’ xufier ta’ vetturi żgħar minħabba l-fatt li l-applikant kien instab ħati ta’ stupru u korruzzjoni ta’ minorenni fi żmien meta l-applikant innifsu kien ukoll minorenni. 

Dan instema’ f’seduta iżjed kmieni din il-ġimgħa preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff. 

L-appell, magħmul minn Lawrence Azzopardi li llum għandu 38 sena, kien għas-sentenza ta’ Novembru 2022. Dakinhar, it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva qablet mar-rifjut ta’ Transport Malta għall-applikazzjoni ta’ Azzopardi għal tag ta’ xufier minħabba l-fedina penali tiegħu. 

Azzopardi kien ippreżenta affidavit fejn spjega illi huwa jaħdem ma’ kumpanija privata bħala xufier, però ma setax jinvolvi ruħu f’iktar attivitajiet tal-istess kumpanija peress li m’għandux tag u lanqas ma seta’ jtejjeb il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu billi jaħdem part-time ma’ kumpaniji privati oħra li joffru servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri. 

L-imħallef ra li uffiċjal fi ħdan Transport Malta, meta kien xehed fil-proċeduri quddiem it-Tribunal, kien stqarr li meta l-Awtorità eżaminat il-fedina penali t’Azzopardi, sabet li kien hemm kundanna li abbażi tagħha l-istess Awtorità ma setgħetx toħroġ il-liċenzja mitluba minnu. L-Awtorità kienet infurmatu dwar dan u tatu l-opportunità li jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu. 

Fis-sentenza tiegħu, it-Tribunal irrimarka li kien “bil-wisq evidenti li r-reati mwettqa mir-rikorrenti, u ċioè dawk ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u stupru fuq persuna minuri, u li tagħhom instab ħati, huma ċertament reati li jaqgħu taħt artikolu 9 (1)(a)(i) tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.56 (ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri),” li telenka numru ta’ reati li awtomatikament jiskwalifikaw lil min ikun wettaqhom mill-kriterju ta’ “reputazzjoni u kondotta tajba,” meħtieġa għall-ksib ta’ permess ta’ xufier.

It-Tribunal kien ħa konsiderazzjoni tal-fatt li l-Qorti tal-Appell Kriminali kienet bidlet il-piena inflitta mill-Qorti tal-Maġistrati għal waħda ta’ priġunerija sospiża, iżda saħaq li “madanakollu dan ma jbiddel xejn mill-gravità jew ħtija dwar ir-reati kommessi” minn Azzopardi. 

Qal ukoll li r-regolamenti msemmija ma jħallu l-ebda diskrezzjoni lill-Awtorità meta tiġi biex tipproċessa applikazzjoni għall-għoti jew tiġdid ta’ tag ta’ xufier jekk jirriżultalha li l-applikant kien wettaq xi wieħed mir-reati hemm indikati. “Lanqas it-Tribunal ma għandu xi diskrezzjoni speċjali jew addizzjonali fir-rigward,” tkompli d-deċiżjoni. 

Għaldaqstant, it-Tribunal kien ċaħad l-appell ta’ Azzopardi, li ftit wara, appella minn din id-deċiżjoni, fejn argumenta li t-Tribunal kien għamel apprezzament u interpretazzjoni żbaljata tal-liġi applikabbli, u naqas milli jikkonsidra diversi fatti, fosthom affidavit tiegħu u ta’ min iħaddmu. Qal li ladarba t-Tribunal skarta dawn il-provi, dan mar kontra l-prinċipju tar-raġonevolezza u tal-ekwità, li huma l-prinċipji li għandu jħaddan l-istess Tribunal. B’hekk skontu dan ma kienx ġust u issa, minħabba dawn is-sentenzi, mhux se jkun jista’ jaqla’ l-għejxien tiegħu.  

Qal ukoll li fiż-żmien meta ġew deċiżi l-proċeduri kriminali kontra tiegħu kien għadu minorenni, li m’għadux illum il-ġurnata u li minn dak iż-żmien, qatt aktar ma reġa’ xellef difru mal-ġustizzja. Azzopardi ddeskriva ruħu bħala “persuna riformata li jixtieq jimxi ’l quddiem fix-xogħol tiegħu.” 

Fir-risposta tagħha, l-awtorità qalet li l-liġi tesiġi li persuni li joffru s-servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri, kemm jekk bħala operaturi jew bħala xufiera, għandhom ikunu ta’ reputazzjoni u kondotta tajba. Min jagħmel użu minn dan is-servizz ma jkunx jaf il-fornitur tas-servizz, u għalhekk il-leġiżlatur stabbilixxa kriterji oġġettivi fil-liġi sabiex meta Transport Malta tirċievi applikazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ xufier, hija tkun tista’ tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax dawn il-kriterji jew le.  

Fis-sottomissjonijiet tagħha, Transport Malta qalet li f’dan il-każ, irriżulta li l-applikant ma kienx jissodisfa dawn il-kriterji ta’ reputazzjoni u kondotta tajba, minħabba fis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Qalet ukoll li r-rifjut tal-applikazzjoni kienet waħda korretta u konformi mal-provvedimenti tal-liġi.  

Qalet ukoll li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva lanqas kellu l-poter li jippronunzja, jiddetermina jew jiddikjara jekk liġi hijiex tajba jew le, iżda biss li jiddetermina jekk deċiżjoni meħuda minn awtorità pubblika hijiex korretta u skont il-liġi jew le. Għaldaqstant, argumentat l-awtorità, il-prinċipju tar-raġonevolezza u tal-proporzjonalità kienu “għalkollox estranei” għad-determinazzjoni li kellha tagħmel it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u anke dik li kienet qed tiġi mitluba tagħmel il-Qorti tal-Appell. 

Fid-deċiżjoni fuq l-appell ta’ Azzopardi, l-Imħallef Mintoff irrileva li ma kienx hemm kontestazzjoni tal-fatt li l-appellant kien instab ħati tar-reat ta’ stupru u ta’ korruzzjoni ta’ minorenni. Lanqas ma kien ikkontestat il-fatt li huma fost ir-reati msemmija fir-regolamenti li awtomatikament iwasslu lill-awtorità appellata tiddeċiedi li l-persuna mhijiex ta’ reputazzjoni u ta’ kondotta tajba.  

L-unika ħaġa li kellha tagħmel l-awtorità f’dan il-każ, qalet il-Qorti, kienet li tikkonsidra l-fedina penali tal-appellant, u jekk tara li l-applikant kien instab ħati ta’ xi wieħed mir-reati skwalifikabbli, dan jitqies li huwa skwalifikat mill-għoti tal-permess jew tal-liċenzja mitluba minnu. 

La t-Tribunal, u lanqas l-awtorità ma kellhom, u lanqas setgħu, jaraw jekk l-appellant irriformax ruħu jew le minn dakinhar li nstab ħati tar-reati msemmija, qalet il-Qorti, li, wara li ma sabet xejn ħażin fid-deċiżjoni li timmerita ċ-ċensura tagħha, ikkonfermata fl-intier tagħha. L-Imħallef ordna wkoll li Azzopardi waħdu kellu jbati l-ispejjeż tal-appell. 

More in Qrati u Pulizija