Il-qtil ta' Pelin Kaya: Camilleri se jiġi kkundannat f'Marzu

Hu mifhum li l-partijiet talbu sentenza ta’ 37 sena ħabs. Il-qorti mhijiex marbuta li taċċettaha, iżda, tibqa’ ħielsa li timponi piena ogħla

Jeremie Camilleri se jiġi kkundannat ix-xahar id-dieħel għall-qtil ta’ Pelin Kaya.

Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena għall-akkużat f’seduta qasira t-Tlieta filgħodu, qabel iddifferiet il-kawża għas-sentenza.

L-Avukat Alfred Abela, għad-difiża, qal lill-Qorti li ma kellu xejn xi jżid mal-ftehim, li qal li ntlaħaq wara xhur ta’ negozjati. Abela saħaq li fit-taħditiet ipparteċipaw ukoll il-familja tal-vittma. Huwa ddikjara li qablu dwar il-piena.

Hu mifhum li l-partijiet talbu sentenza ta’ 37 sena ħabs. Il-qorti mhijiex marbuta li taċċettaha, iżda, tibqa’ ħielsa li timponi piena ogħla, il-massimu f’dan il-każ ikun ħabs għal għomru.

Camilleri kien waqqa’ t-talba inizjali tiegħu u ammetta li huwa ħati għall-akkużi kollha l-ġimgħa li għaddiet bħala parti minn plea deal mal-Avukat Ġenerali. Il-Maġistrat Rachel Montebello, li ppresediet il-kumpilazzjoni tal-provi kontrih, kienet imbagħad bagħtet l-atti tal-każ fil-Qorti Kriminali biex tingħata s-sentenza.

Huwa kien ġie mixli b’total ta’ 14-il reat, fosthom l-omiċidju volontarju ta’ Pelin Kaya, li kkaġuna ġrieħi gravi li wasslu għall-mewt tagħha, li darab gravi t-tieni mara u li weġġa’ ħafif raġel. Akkużi oħra kienu jinkludu sewqan perikoluż u bl-addoċċ, sewqan taħt l-influwenza tad-droga u l-alkoħol, reżistenza vjolenti għall-arrest u attakk fuq ċittadini.

Kaya, disinjatriċi mit-Turkija, mietet wara li ntlaqtet minn BMW X6 li kienet misjuqa minn Camilleri, fil-Gżira fit-18 ta’ Jannar 2023 – l-istess jum ta’ għeluq sninha. 

Filmati tas-CCTV mill-inħawi wrew il-vettura BMW X6 li baqgħet dieħla fil-ħanut tal-KFC tal-Gzira, maġenb il-pompa tal-petrol Paul & Rocco. Kaya, li kienet miexja ħdejn il-pompa tal-petrol, intlaqtet mill-vettura u kawża tal-impatt spiċċat minduda mal-art diversi metri ‘l bogħod.

Il-kameras qabdu wkoll lil Camilleri ħiereġ mill-vettura u jattakka lil dawk li kienu għaddejjin, qabel tefgħaġebel mit-tifrik lejn il-vittma waqt li kienet mimduda mal-art. Uffiċjali tal-Pulizija li xehdu dwar l-arrest ta’ Camilleri qalu lill-Qorti li s-suspettat kien għajjat “fejn hu TVM? Irrid inkun famuż.”

Kellu jintuża taser għal darbtejn fuq Camilleri mill-uffiċjali tal-pulizija qabel ma seta’ jittieħed arrestat. Testijiet tad-droga żvelaw livelli għoljin ta’ kokaina u alkoħol fid-demm tiegħu.

Huwa se jiġi kkundannat fil-5 ta’ Marzu.

L-avukati Kayleigh Bonnett u Nathaniel Falzon mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tħarrku, flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra. L-avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin kienu l-avukat difensur ta’ Camilleri. L-Avukat Shazoo Ghaznavi assista lill-familja tal-vittma bħala parte civile, flimkien mal-avukati Charlon Gouder u Ramona Attard.

More in Qrati u Pulizija