Jesper Kristiansen jammetti għall-qtil doppju li kien seħħ f’Tas-Sliema wara plea deal

Jesper Kristiansen, kien it-tielet raġel li ġie akkużat li kien spara u qatel lil Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Awwissu 2020

 Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski nqatlu f'darhom stress Tas-Sliema
Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski nqatlu f'darhom stress Tas-Sliema

Wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, se jkun qed jammetti għall-qtil u jingħata sentenza ta’ 40 sena ħabs.

Jesper Kristiansen, kien it-tielet raġel li ġie akkużat bl-isparatura ta’ Awwissu 2020 u ġie akkużat f’Lulju tal-2022.

Iż-żewġ vittmi kienu nqatlu b’tiri fid-dar tagħhom fi Locker Street, Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu 2020, f’dik li kien maħsub li kienet serqa. Pandolfino sparawlu ħames darbiet fil-parti ta’ fuq ta’ ġismu u f’għonqu, u miet fuq il-post. Is-sieħeb tiegħu, Maciejowski inqatel b’tir ta’ arma f’wiċċu.

Daniel Muka mill-Albanija u Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta' Fuq huma wkoll akkużati separatament dwar il-qtil. Il-proċeduri kriminali kontrihom mistennija jkomplu f’Marzu.

It-Tnejn filgħodu, it-tliet irġiel dehru fil-baċir flimkien quddiem il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, wara li nħarġet kontrihom att ta’ akkuża ġdida, konġunta, fuq talba tal-Avukat Ġenerali.

Il-qorti mbagħad ħadet avviż ġudizzjarju ta’ nota konġunta ppreżentata mill-Avukat Ġenerali u l-avukati ta’ Kristiansen, li fiha infurmaw li kien intlaħaq plea deal.

In-nota, li nqrat fil-Qorti, kienet tgħid li Kristiansen kien aċċetta li jwieġeb ħati tal-akkużi kollha kontrih bi tpattija li jkun ikkundannat għal 40 sena ħabs u l-ħlas tas-sehem tiegħu tal-ispejjeż tal-qorti.

Meta mistoqsi mill-qorti, Kristiansen ikkonferma li kien qabel ma’ dan, u għalhekk il-qorti kompliet tissepara l-każ tiegħu mill-proċeduri kontra t-tnejn l-oħra.

Kristiansen mistenni jwieġeb ħati bħal għada ġimgħa, fejn il-qorti se tipproċedi biex tikkundannah.

Kristiansen x’aktarx se jissejjaħ biex jixhed kontra ż-żewġ imputati l-oħra, fil-proċeduri ta’ kumpilazzjoni li reġgħu nfetħu kontrihom.

L-Avukat Kevin Valletta rrappreżenta lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-proċeduri kontra Kristiansen, filwaqt li l-avukati Stefano Filletti u Roberto Montalto huma l-avukati difensuri ta’ Kristiansen.

L-avukati Joe u Michaela Giglio qed jirrappreżentaw lill-familji tal-vittmi bħala parte civile.

More in Qrati u Pulizija