Suspettat Malti arrestat b'rabta ma' bejgħ ta' malware illegali; se jiġi estradit lejn l-Istati Uniti

Is-suspettat hacker Malti ta' 27 sena ġie arrestat fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja u qed jistenna li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti fejn se jaffaċċja akkużi quddiem il-Qorti Amerikana

 

Raġel Malti qed jistenna li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti wara li ġie arrestat mill-pulizija Maltija f'operazzjoni konġunta mal-FBI.

Daniel Joe Meli, li għandu 27 sena huwa maħsub li ħadem ma’ nies li mhumiex Maltin b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web. Intqal ukoll li l-akkużat, li huwa minn Ħaż-Żabbar, kien involut f’servizzi ta’ mentoring fuq hack forum, forum tal-internet għall-kultura tal-hacker u s-sigurtà tal-kompjuter.

Il-malware, li jista’ ikun aċċessat minn trojan jew RAT, jintuża minn kriminali biex jiksbu aċċess għal kompjuters u servers u jikkontrollawhom. Il-pulizija qalet li fl-Istati Uniti kien hemm diversi vittmi li kienu waqgħu fil-priża ta’ dan ir-RAT. S’issa f’Malta ma ġewx irrappurtati vittmi ta’ dan il-malware. 

Il-profili tal-midja soċjali ta’ Meli jgħid li kien jaħdem mal-Air Malta u li issa jaħdem mal-Aviaserve.

L-investigazzjonijiet f’Malta, sorveljati mill-pulizija taċ-ċiberkriminalità, bdew wara talba għall-għajnuna mill-Istati Uniti, li indikat li s-suspettat ewlieni fil-bejgħ ta’ din ir-RAT huwa Malti.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta l-identifikazzjoni tas-suspettat Malti u l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ kriminali oħra li mhumiex Maltin u li ma joqogħdux Malta.

Is-suspettat ġie arrestat fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja fis-7 ta’ Frar, u waqt tfittxijiet li saru f’diversi postijiet relatati mas-suspettat, inżammu bosta oġġetti marbuta ma’ din l-investigazzjoni.

Ir-raġel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti l-Ħamis waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Giannella Camilleri Busuttil LL.D biex jibdew l-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti, fejn se jaffaċċja akkużi quddiem il-Qorti Amerikana.

Huwa ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni u qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

B’rabta ma’ din l-investigazzjoni, ġie arrestat ukoll kompliċi Niġerjan, residenti fin-Niġerja.

Diversi operazzjonijiet f’diversi pajjiżi relatati mal-istess kummerċ illegali ta’ malware fuq id-dark web kienu qed jiġu kkoordinati mill-Europol, li kienu jinvolvu diversi stati oħra, fosthom il-Pulizija Federali Awstraljana, il-Pulizija Kanadiża, Pulizija Kroata, Pulizija Finlandiża, Pulizija Olandiża, Pulizija Rumena, Pulizija Ġermaniża, u l-awtoritajiet Niġerjani.

More in Qrati u Pulizija