Erba' turisti Franċiżi akkużati li serqu vetturi tal-kiri u kkawżaw ħsarat

Il-Ħadd tressqu l-Qorti erba’ turisti minn Franza b’rabta ma’ akkużi li serqu żewġ vetturi tal-kiri u li kkażaw ħsarat fl-istess vetturi li jammontaw għal total ta’ €2,329.37

Nhar il-Ħadd tressqu l-Qorti erba’ turisti minn Franza b’rabta ma’ akkużi li serqu żewġ vetturi tal-kiri u li kkażaw ħsarat fl-istess vetturi li jammontaw għal total ta’ €2,329.37.

Said Bouhafa ta’ 20 sena, Yacine Leo Nizar Hilal ta’ 20 sena, Sofiane Bouhafa li għandu ta’ 18-il sena u Mouhamed Salim Soumah ta’ 21 sena, instabu ħatja li bejn it-8 u d-9 ta’ Jannar, serqu numru ta’ vetturi mill-parkeġġ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u għamlu ħsarat fil-vetturi misruqa. 

Sofiane Bouhafa u Yacine Leo Nizar Hilal ġew mixlija li kkażaw ħsarat u saqu vetturi b’mod traskurat u perikoluż, kif ukoll wettqu hit and run fuq żewġ vetturi oħra f’San Ġiljan u l-Gżira għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu nhar id-9 ta’ Jannar. 

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija rċivew telefonata li kienu nsterqu żewġ vetturi tal-kiri minn parkeġġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 

Permezz ta’ tracker li kien fihom il-vetturi, irriżulta li nstabu pparkjati quddiem lukanda fil-Gżira. Il-Pulizija marru fil-lukanda, u minn hemm ir-receptionist spjegat li l-vetturi kienu ta’ turisti Franċiżi. 

Il-Pulizija sabu l-erba’ Franċiżi reqdin fil-kmamar rispettivi tagħhom, u ġew arrestati.

Fost l-akkużi miġjuba kontrihom, il-Pulizija ħarġet numru ta’ kontravensjonijiet li kienu jinkludu użu tal-mobile waqt is-sewqan, sewqan eċċessiv u dħul f’ toroq one way.

Said Bouhafa u Mouhamed Salim Soumah wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li sentenza effettiva ta’ priġunerija m’għandhiex tingħata peress li ma kienux dawk li saqu b’mod perikoluż u  kkaġunaw ħsarat fuq vetturi oħrajn. 

Għaldaqstant, il-Qorti ordnat sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għall-erba’ snin għal dawn iż-żewġ imputati.

Madanakollu, Yacine Leo Nizar Hilal u Sofiane Bouhafa, wieġbu mhux ħatja li kkaġunaw ħsarat fuq vetturi terzi u li saqu vettura b’mod traskurat u perikoluż.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba li ma ġietx milqugħa mill-prosekuzzjoniminħabba li dawn iż-żgħażagħ m’għandhomx indirizz fiss u li l-perjodu fil-lukanda għalaq fit-13 ta’ Jannar.

Il-prosekuzzjoni enfasizzat li f’temp ta’ erbat ijiem dawn iż-żewġt irġiel kienu ta’ periklu għas-soċjetà bis-sewqan traskurat.

Minn naħa tagħha, id-difiża spjegat li dawn l-atti ma kienux b’malizja imma iżjed bi skop ta’ avventura.

Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ma laqgħetx it-talba għal-libertà proviżorja u Sofiane Bouhafa u Yacine Leo Nizar Hilal  inżammu arrestati.

L-Avukat tal-għajnuna legali Gulia Micallef Stafrace dehret għal Mouhamed Salim Soumah filwaqt li l-Avukat Mifsud Cutajar deher għal Yacine Leo Nizar Hilal, Said Bouhafa u Sofiane Bouhafa. 

L-Avukat Joseph Camilleri deher għall-Avukat Ġenerali.

More in Qrati u Pulizija