Ikkonfermata f'appell sentenza ta' sitt snin ħabs għal Tyson Grech fuq stupru

Imħallef ikkonferma s-sentenza ta’ 6 snin ħabs li ngħatat lil Tyson Grech talli stupra tfajla ta’ 19-il sena fl-2019

Imħallef ikkonferma s-sentenza ta’ 6 snin ħabs li ngħatat lil Tyson Grech talli stupra tfajla ta’ 19-il sena fl-2019.

Grech, li sussegwentement kien involut fl-iskandlu tal-Cars No Deposit, kien jinsab fuq pleġġ wara li ressaq appell kontra s-sentenza ta’ 6 snin ħabs li kien irċieva għall-istupru.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet semgħet kif Grech l-ewwel għamel pressjoni fuq il-vittma biex tikkonsma żewġ drinks aktar milli kienet tixtieq hi, qabel ħadha lejn il-karozza tiegħu. Hija kienet qalet lill-Qorti li qamet f’appartament mhux familjari bil-ħwejjeġ ta’ taħt u b’uġigħ fil-partijiet privati tagħha, b’Grech rieqed maġenbha. 

Meta eventwalment qam, kien għeleb ir-reżistenza tagħha u reġa’ stupra lit-tfajla qabel ħadha d-dar.

Huwa kien ikkundannat sitt snin ħabs mill-maġistrat Rachel Montebello fl-2019, iżda kien ippreżenta appell u wara ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Iktar tard huwa nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ u sett ieħor ta’ kundizzjonijiet tal-pleġġ relatati ma’ proċeduri li għadhom għaddejjin li fihom huwa mixli li kien parti minn grupp li ħataf raġel fl-2021.

Għall-bidu huwa kien ikkundannat erba’ xhur ħabs għall-ksur tal-pleġġ wara li qorti ġiet mgħarrfa kif spettur tal-pulizija kien sab lil Grech ġewwa stabbiliment f’Paceville, Havana, għall-ħabta tas-2am tal-5 ta’ Settembru 2021, li kiser il-curfew tiegħu impost mill-qorti. 

Il-pulizija kienet ġiet infurmata dwar post fuq il-midja soċjali li ttella’ minn Grech innifsu. 

Dik il-piena ta’ erba’ xhur ħabs, madankollu, wara tnaqqset għal multa fl-appell.

Fis-sentenza tiegħu, li kkonferma l-kundanna ta’ stupru u s-sentenza ta’ sitt snin, l-Imħallef Neville Camilleri, li jippresiedi l-Qorti tal-Appell Kriminali, ċaħad kull argument ta’ Grech u ordnalu jħallas l-ispejjeż tal-ħatra ta’ esperti fl-inkjesta relatata.

L-Ispettur Eman Hayman għall-prosekuzzjoni. 

L-Avukat Jason Grima assista lil Grech.

More in Qrati u Pulizija