Raġel jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li ta daqqa ta' sikkina lil ħuh f'għonqu

Raġel maħsub li qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali nżamm arrestat nhar it-Tnejn, akkużat li ta daqqa ta’ sikkina f’għonq ħuh waqt argument dwar it-tabakk

Raġel maħsub li qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali nżamm arrestat nhar it-Tnejn, akkużat li ta daqqa ta’ sikkina f’għonq ħuh waqt argument dwar it-tabakk.

Ir-raġel ta’ 62 sena, resident n-Naxxar, ħalla impessjoni bid-dehra fiżika tiegħu meta tressaq quddiem il-maġistrat Astrid May Grima wara nofsinhar. Huwa kien liebes ħwejjeġ qodma u xagħru u d-daqna mhux miżmuma. Kien intqal lill-Qorti li l-imputat kien bla xogħol.

Sorsi spjegaw li r-raġel, li kien jgħix fl-istess dar tal-vittma, kien iffissa li ħuh kellu tabakk aħjar minnu.

Il-fissazzjoni ssarrfet f’azzjoni fis-17 ta’ Diċembru, meta l-vittma hu mifhum li ntlaqat f’għonqu b’daqqiet ta’ sikkina mill-imputat waqt li kien nieżel it-taraġ tad-dar tagħhom. 

L-Ispettur tal-Pulizija Christian Cauchi, assistit mill-prosekutur Cynthia Ellul Sciberras mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, esebixxa sikkina li kienet ittieħdet mingħand l-imputat fil-ħin tal-arrest tiegħu.

Cauchi akkuża lir-raġel li kkaġuna feriti gravi lil ħuh, mingħajr l-intenzjoni li joqtol; akkuża li kienet aggravata mir-relazzjoni familjari tal-akkużat mal-vittma.

Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna lill-vittma jibża’ mill-vjolenza, heddu u li qabeż il-limiti ta’ provokazzjoni, kif ukoll li attakka lil ħuh bl-iskop li jinkieh jew jikkaġunalu ħsara.

L-Avukat Mario Caruana, li jirrappreżenta lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali, qal lill-Qorti li r-raġel kien qed iwieġeb mhux ħati. 

F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja, bl-avukat difensur jinforma lill-qorti li l-klijent tiegħu kien għadu kif inħeles mill-kura psikjatrika qabel l-inċident. 

L-avukat difensur talab lill-maġistrat biex jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-ħabs jagħtu l-assistenza medika li r-raġel kien jeħtieġ, flimkien ma’ valutazzjoni medika u psikoloġika sabiex jiġi assenjat fis-sezzjoni apposta l-ħabs.

More in Qrati u Pulizija