Jinqabad bid-droga wara li twaqqaf minn uffiċċjal tal-LESA

Żgħażugħ ta’ 25 sena mill-Fgura, tressaq il-Qorti mill-Pulizija fejn ġie mixli li allegatament traffika droga; instabu flus kontanti fejn jgħix flimkiem ma' diversi tipi ta' droga oħra

Nhar il-Ġimgħa, Tristan Cartet, ta’ 25 sena mill-Fgura, tressaq il-Qorti mill-Pulizija fejn ġie mixli li allegatament traffika droga kokaina u kannabis f’dawn l-aħħar xhur. 

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Nico Zarb u Jonathon Pace, spjegaw quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt li fit-3 ta’ Jannar twaqqfet vettur minn uffiċċjal tal-LESA minħabba kontravenzjoni tat-traffiku. Skont l-ispetturi, l-akkużat qal lill-uffiċjal biex ma jinfurmax lill-pulizija għax kellu xi ħaġa fil-karozza.

Il-Pulizija wettqet tfittxija fil-vettura fejn instab ammont ta’ droga kannabis u kokaina, mhux għall-użu personali. Saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ nanntu fejn kien jgħix l-imputat, u nstabu flus kontanti li jammontaw għal €8,000 flimkiem ma’ taħlita ta’ droga - MDMA, kokaina, LCD, ketamina u iktar. 

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża, mmexxija mill-avukati Frank Tabone, Arthur Azzopardi, u Jacob Magri; ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, però għamlet talba lill-Qorti biex tordna lill-prosekuzzjoni tressaq lix-xhieda pajżana mill-aktar fiss.

Din it-talba ġiet milqugħa, kif ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni dwar l-iffriżar tal-assi.

More in Qrati u Pulizija