Aġġornat| Bouncer jiċħad l-allegazzjonijiet dwar il-feriment f'Paceville fl-aħħar tas-sena

Riald Gragjevi, bouncer ta’ 21 sena, deher il-Qorti nhar il-Ħamis u wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi billi uża arma mhux xierqa kontra Idriss Ahmed Adem f’attakk f'Paceville 

Riald Gragjevi, bouncer ta’ 21 sena, deher il-Qorti nhar il-Ħamis u wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi billi uża arma mhux xierqa kontra Idriss Ahmed Adem f’attakk li nqabad fuq filmat. 

 Gragjevi, ċittadin Albaniż li jgħix f’San Pawl il-Baħar, ċaħad li weġġa’ serjament raġel barra nightclub ta’ Paceville lejlet l-Ewwel tas-Sena u l-avukat tiegħu, Shazoo Ghaznavi, sostna li l-klijent kien il-vittma wara li kien allegatament attakkat b’flixkun miksur u twaddbulu oħrajn. 

Gragjevi, ġie arrestat l-Erbgħa wara nofsinhar fl-ajruport meta uffiċjali tal-Pulizija fl-ajruport għarfu li kien ir-raġel konness mas-swat ta’ Paceville.  Gragjevi, ġie arrestat minn uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit. 

L-Ispettur Brian Xuereb qal lill-Qorti li waqt in-night shift ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar, daħal rapport ta’ persuna mitlufa minn sensiha fi Triq San Ġorġ f’Paceville.

Meta Xuereb wasal fuq il-post, issejħet ambulanza għall-vittma – l-istudent Sudaniż Ahmed Adem – u ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.

Filmat tal-attakk brutal inxtered fuq il-midja soċjali fejn juri ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu raġel ieħor. Lejn l-aħħar tal-filmat, ir-raġel jidher mimdud wiċċu ’l isfel mal-art. 

Għall-akkużat dehru wkoll l-avukati Jessica Formosa u Charlon Gouder.

More in Qrati u Pulizija