Raġel arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga fil-Marsa

Raġel ta' 27 ġie arrestat il-Marsa wara li l-Pulizija sabu numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina u kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga

Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta' droga wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 27 sena residenti l-Gżira.

Wara osservazzjoni fuq remissa fil-Marsa, li fiha allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata d-droga, l-Erbgħa wara nofsinhar, il-Pulizija iċċirkondawha, daħħlu ġewwa u arrestaw il-persuni li kien hemm fiha.

Minn tfittxijiet li saru, il-Pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina u kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

Bis-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.

Ir-raġel ser jitressaq il-Qorti l-Ħamis, għall-ħabta tal-ħdax u kwart quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija