Koppja mmultata €6,000 talli offriet servizzi ta' 'pet sitting' mingħajr permess

Il-każ imur lura għall-2018, meta uffiċjali mill-għassa tal-Ħamrun irċevew rapport li dar f’Santa Venera kienet qed iżżomm klieb mingħajr il-permessi meħtieġa

Koppja minn Santa Venera ġiet immultata €6,000 wara li nstabu ħatja li offrew servizzi ta’ ‘pet-sitting’ mingħajr lpermess. 

Il-każ imur lura għall-2018, meta uffiċjali mill-għassa tal-Ħamrun irċevew rapport li dar f’Santa Venera kienet qed iżżomm klieb mingħajr il-permessi meħtieġa.

Il-persuna li rrappurtat qalet li l-klieb kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet mhux xierqa u li kienu qed jgħamlu l-istorbju. 

Fid-29 ta’ Diċembru 2018, il-pulizija u l-uffiċjali tal-Animal Walfare kienu wettqu spezzjoni każwali, u kienu sabu 13-il kelb li nstabu f’kundizzjonijiet nodfa.

Is-sidien tar-residenza, Keith Caruana u Lara Bezzina, intalbu jipprovdu l-permessi meħtieġa, iżda sostnew li ma kienx hemm bżonn ta’ permess minħabba li din l-attività ma kinitx regolata bil-liġi.

Huma ġew akkużati li joperaw ‘kennels’ mingħajr permess, u mingħajr ma applikaw għall-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet. Huma ġew mixlija wkoll li kkawżaw inkonvenjenza lill-ġirien tagħhom.

Fis-26 ta’ Jannar, huma nstabu ħatja tal-ewwel żewġ akkużi, iżda ma nstabux ħatja li kkawżaw inkonvenjenza. Huma ġew immultati €6,000.

Huma appellaw is-sentenza, iżda l-Imħallef Aaron Bugeja ċaħad l-appell nhar it-Tlieta.

Irrimarka li l-prosekuzzjoni ppreżentat numru ta’ screenshots biex tipprova li n-nies kienu sodisfatti bis-servizz.

Bugeja irrimarka li l-evidenza wriet li dan is-servizzi kien infatti l-impjieg ta’ Bezzina, u sitta mit-13-il kelb li nstabu dakinhar tal-ispezzjoni kienu proprjetà tal-koppja.

Il-multa ġiet ikkonfermata mill-Imħallef, li rrimarka li diġà kienet is-somma minima meħtieġa mil-liġi.

More in Qrati u Pulizija