Sawwat u ħaqar pazjent u l-Qorti tagħtu sentenza sospiża biss

Ħaddiem ġewwa residenza tal-anzjani ġewwa Ħal Tarxien ġie kkundannat għal sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin, talli sawwat u ħaqar pazjent vulnerabbli

"Kien jgħidlu li huwa giddieb u kien imisslu l-parti privata tiegħu ripetutament, kuljum”

Ħaddiem ġewwa residenza tal-anzjani ġewwa Ħal Tarxien ġie kkundannat għal sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin, talli sawwat u ħaqar pazjent vulnerabbli. 

Joseph Manuel Jonathan Bonnici ta’ 31 sena mill-Kalkara nstab ħati ta’ moħqrija ta’ pazjent anzjan, u li weġġgħu ħafif waqt li kien ħebb għalih, iżda ma nstabx ħati li kkaġuna biża’ lil żewġ residenti oħra li ser tintuża vjolenza kontrihom. 

Bonnici, kien ilu impjegat mal-Aġenzija Sapport bħala parti mit-tim ta’ support workers għal ’il fuq minn seba’ snin, jaħdem f’dar residenzjali għal pazjenti b’diżabilità intellettwali u fiżiċi ġewwa Ħal Kirkop. 

Il-każ imur lura għal April tas-sena 2018, meta kollega ta’ Bonnici kien irrapporta li l-imputat kien fajjar daqqa ta’ ponn f’wiċċ wieħed mill-erba’ residenti li dak iż-żmien kienu jgħixu fid-dar. Il-Pulizija ġew infurmati b’dan ir-rapport u Bonnici kien ġie sospiż mill-impjieg tiegħu mal-Aġenzija Sapport, minn liema impjieg kien sussegwentement irriżenja erba’ xhur wara. 

Dak li wassal għar-rapport kien li support worker ieħor innota marka ħamra fuq wiċċ wieħed mir-residenti, li meta ġie mistoqsi fuqha kien qal li Joseph Bonnici kien tahielu. L-vittma beda jibki u jgħid li dan kien sar wara li ntemmet żjara minn ħutu, il-ġurnata ta’ qabel. Is-support worker kien ħa ritratt tal-ġerħa u ssottomettiha lis-superjuri tiegħu, flimkien ma rapport intern fuq l-inċident. 

Pazjent li kien joqgħod f’l-istess kamra mal-anzjan xehed li Bonnici kien jabbuża kemm minnu u kemm mill-anzjan. Kien jgħidlu li huwa giddieb u kien imisslu l-parti privata tiegħu ripetutament, kuljum, anke quddiem l-pazjent li miegħu kien jaqsam il-kamra u joffendilu lil ommu u missieru u lill-mejtin li għandu. X-xhud qal li anke lilu Bonnici kien kemm il-darba jagħfsu minn għonqu u jtih bil-ponn fuq rasu. 

Xehed ukoll li kien jisma lill-anzjan jibki u li kemm il-darba rah jiġi msawwat mill-imputat sa ma jibda jibki. 

Support worker kollega tal-imputat xehdet li wieħed mill-vittmi, li kien juża siġġu tar-roti, kien jgħidilha li Bonnici ma kienx jibdillu l-ħarqa, ħaga li kienet ukoll tinnota meta tkun fix-shift wara l-imputat u ssib l-ġilda tal-pazjent misluħa u l-ħarqa mimlija.  
Qalet ukoll li l-pazjent ieħor kien jgħidilha li Bonnici kien jqattagħlu l-ħwejjeġ u jarmihomlu 
Bonnici kien ċaħad l-akkużi, u allega li wieħed mill-anzjani kien weġġa’ għajnejh meta kien qed jibdel il-flixkun tal-ilma fil-kamra tiegħu jew meta kien ħareġ ma’ support worker ieħor u weġġa’ mal-karozza ta dan l-istess ħaddiem, li nzerta kien hu li rrapporta li Bonnici fuq id-daqqa ta ponn. Ma kellux relazzjoni tajba mal-kollegi tax-xogħol  u li l-vittmi kienu aggressivi lejn il-ħaddiema tar-residenza. 

F’deċiżjoni mogħtija nhar l-Erbgħa, il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabet lil Bonniċi ħati.  

“Aġir bħal dan, fiċ-ċirkostanzi ta’ persuna dipendenti… m’hu xejn ħlief sfruttament li jiffigura sfiq fl-imġieba punibbli,” qalet il-Qorti, “liema imġieba kienet evidentement intiża biex [il-pazjent] isofri kemm fiżikament u anke mentalment u dawn l-azzjonijiet mhumiex ġustifikabbli.” 

Il- Qorti nnutat ukoll li r-reat kontra dan il-pazjent partikolari, kien ġie kommess “b’atti ripetuti li seħħew fuq medda ta’ żmien u li kkaġunaw niket u dwejjaq kbar fil-vittma li kien jixraqlu rispett, dinjita’ u għajnuna tenut kont tad-diżabilitajiet tiegħu, u mhux umiljazzjoni u abbuż.”  

Fir-rigward tar-reat fuq il-pazjent l-ieħor il-Qorti qalet li ma setgħetx ma tikkunsidrax il-fatt li dan l-att ta’ vjolenza wkoll ġie mwettaq fuq vittma li għandu problemi serji intellettwali li jagħmluha diffiċli ferm għalih jesprimi ruħu u allura fejn ikun iktar faċli li wieħed jimmina l-verżjoni tal-vittma.  

Il-maġistrat Montebello qalet li l-provi wrew wkoll li fil-ħin meta Bonnici kien xejjer daqqa ta’ ponn f’wiċċ wieħed mill-vittmi li kien talbu sigarett, l-imputat kien l-uniku support worker u membru tal-istaff li kien xogħol dak il-ħin fir-residenza.  

Il-verżjoni ta’ Bonniċi, fejn insista li pazjent minnhom kien laqat wiċċu ma’ karozza meta kien ħiereġ minnu  “ma sabet konfort minn ebda xhud jew prova ċirkostanzjali u fil-fehma tal-Qorti, la hi verosimili u lanqas tilħaq ilgrad tal-probabbli.”  

Minn-naħa l-oħra l-verżjoni mogħtija mill-pazjent innifsu, minkejja problemi intellettwali li jbati bihom, “mhux talli ma ġietx imminata, talli ssib konfort pjen mill-atti u l-provi proċesswali u l-Qorti ma riskontrat ebda raġuni kwalsiasi għaliex għandha tiddubita din l-verżjoni jew tiskartaha.” 

Minbarra s-sentenza sospiża, Bonnici tpoġġa taħt ordni ta trażżin fil-konfront ta tnejn mill-vittmi, valida għall tliet snin, bil-Qorti wkoll tordnah ibati l-ispejjeż tal-ħatra ta esperti, jammontaw għal €417. 

More in Qrati u Pulizija