Mara titlef ħajjitha wara inċident f'Ħal Far

Mara ta' 80 sena residenti Ħal Għaxaq, intlaqtet minn kowċ li kienet niżla minnha u ġiet ċċertifikata mejta fuq il-post,  filwaqt li żewġ passiġġieri oħra ġarbu xi ġrieħi 

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq. 

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u rriżulta li mara ta’ 80 sena residenti Ħal Għaxaq, intlaqtet mill-istess kowċ tal-għamla Iveco li kienet niżla minnha.

Il-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti Ħal Għaxaq.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku assistew lill-vittma, iżda sfortunatment il-mara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Żewġ passiġġieri nisa oħra, waħda ta’ 64 u oħra ta’ 63, it-tnejn residenti Ħal Tarxien li ukoll kienu niżlin mill-istess vettura sofrew xi ġrieħi fl-inċident.

Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.

Aktar tard il-mara ta’ 63 ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġrieħi tal-mara l-oħra għadhom pendenti.

Ix-xufier ma sofriex ġrieħi. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija