Jintbgħat sentejn u nofs ħabs wara li seraq ġugarelli tal-plastik b’valur ta’ aktar minn €3,000

Jintbgħat il-ħabs wara li seraq minn fabbrika f'Bulebel fuq tliet okkazzjonijiet oħra, u ġie ordnat trattament ta' riabilitazzjoni biex jeħles mill-vizzju tad-droga, kif ukoll iħallas €5,491 għad-danni li kkawża u €399 fi spejjeż

Ħalliel, flimkien ma’ kompliċi,  li seraq ġugarelli tal-plastik b’valur ta’ aktar minn €3,000 minn fabbrika u kkaġuna €3,481 fi ħsara fil-proċess, intbagħat sentejn u nofs ħabs u ordnat jagħmel riabilitazzjoni minħabba abbuż tad-droga.

Robert Borg, xufier ta’ 50 sena minn Ħal Tarxien kien ġie arrestat flimkien ma’ kompliċi f’Lulju tal-2019, wara li ntlemaħ minn uffiċjali tal-pulizija jidħol f’fabbrika ta’ Bulebel. Il-pulizija kienu qagħdu għassa fuq talba mis-sid tal-fabbrika wara li kien diġà saru żewġ serqiet oħra qabel.

Filmati ta’ CCTV mogħtija lill-pulizija minn sid il-fabbrika urew lil Borg u lill-kompliċi tiegħu Elvis Falzon jaqtgħu toqba fin-naħa ta’ wara ta’ trakk tal-kunsinna li kien ipparkjat ġewwa l-perimetru u jieħdu ftit mill-merkanzija li kien ikun mgħobbi lest biex iqassam ix-xogħol l-għada.

Il-filmati wrew lill-Borg jgħabbi l-ġugarelli tal-plastik misruqa f’jeep tal-Maruti filwaqt li Falzon kien joqgħod għassa.

Dakinhar tal-arrest, il-pulizija kienu għassa meta raw l-istess vettura tasal il-fabbrika għall-ħabta tas-7pm. Sakemm l-uffiċjali għamlu l-mossa tagħhom, il-ħallelin kienu diġà bdew iħottu l-merkanzija mit-trakk.

L-Ispettur Roderick Attard akkuża lil Borg b’serq, li wettaq danni, kif ukoll b’immaniġġjar ta’ oġġetti misruqa u ħsara kriminali fuq proprjetà.

Huwa kien mixli wkoll b’attentat ta’ serq relatat mal-okkażjoni li fiha kien inqabad, u li sar reċediv. Preċedentement Falzon kien instab ħati wkoll għas-sehem tiegħu fir-reati fi proċeduri separati u kkundannat għal tliet snin probation.

Għalkemm Borg wieġeb mhux ħati, il-Maġistrat Rachel Montebello nnutat li kien ammetta mal-pulizija waqt l-interrogazzjoni, u qaltilhom ukoll li qabel kien seraq mill-fabbrika “madwar tliet darbiet oħra” fil-ħmistax qabel l-arrest tiegħu.

Il-Qorti semgħet ukoll li Borg kien ġie riferut lill-Caritas iżda ma kienx baqa’ f’kuntatt u ma temmx ir-rijabilitazzjoni tiegħu

Fis-sentenza tagħha dwar il-każ, Montebello osservat li l-vizzju tad-droga ta’ Borg li “evidentement kellu ħakma assoluta fuqu” u li minkejja li Borg mhux konxju biżżejjed li jindirizza dan il-vizzju hija raġuni biżżejjed li ma jkunx fdat lura fis-soċjetà qabel ma jirċievi t-trattament obbligatorju meħtieġ u jeħles mill-vizzju tad-droga darba għal dejjem.

Borg kien ikkundannat sentejn u nofs ħabs, li matulhom se jingħata wkoll trattament għall-vizzju tad-droga. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €5,491 għas-sehem tiegħu fid-danni li ġarrbu s-sidien tal-fabbrika u €399 fi spejjeż fi żmien 8 xhur.

L-Avukat Leontine Calleja assistiet lil Borg bħala avukat tal-għajnuna legali.

More in Qrati u Pulizija