Raġel li ħarab minn Malta fuq libertà proviżorja, jiġi arrestat fil-fruntiera bejn il-Kroazja u s-Serbja

Ir-raġel li ġie akkużat li seraq koppja mir-residenza tagħhom stess fin-Naxxar sena ilu, ġie arrestat waqt li kien qed jipprova jaqsam il-fruntiera lejn is-Serbja 

Raġel akkużat b’rabta ma’ serqa b’arma tan-nar f’residenza ta’ koppja fin-Naxxar sena ilu, ġie arrestat fuq il-fruntiera bejn il-Kroazja u s-Serbja, wara li ħarab minn Malta waqt li kien fuq libertà proviżorja.

Il-gazzetta MaltaToday ġiet infurmata li Vladimir Pajic ta’ 27 sena mis-Serbja nqabad mill-pulizija ta’ Kroazja fl-24 ta’ Ottubru, waqt li kien qed jipprova jaqsam il-fruntiera lejn is-Serbja. Huwa kien arrestat bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Maltin u mistenni jiġi rritornat Malta fil-ġimgħat li ġejjin.

F’Novembru 2022, Pajic kien ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza, flimkien ma’ Victor Markovic ta’ 40 sena mis-Serbja u Milica Kurcubic ta’ 30 sena minn Franza.

Waqt l-akkuża, il-Qorti qalet li Pajic u l-irġiel l-oħra daħlu f’appartament fin-Naxxar, li fih kien hemm raġel Olandiż ta’ 42 sena u Franċiża ta’ 29 sena. Il-ħallelin kienu rabtu lir-residenti u hedduhom b’arma tan-nar biex jagħatuhom il-flus u xi oġġetti oħra.

Ir-raġel ingħata daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu u kisrulu s-snien meta wieħed mill-ħallelin tefa’ l-arma tan-nar f’ħalqu.

Fis-serqa nsterqu ‘il fuq minn €2,300 fi flus kontanti u oġġetti ta’ valur.

L-investigazzjonijiet indikaw li l-mara li kienet fl-appartament mal-vittma kienet fil-fatt kompliċi. Hija kienet qed tikkkonfoffa mal-ħallelin biex jisirqu lill-vittma.

Pajic mhux l-uniku wieħed mill-allegati ħallelin li minn dakinhar kellu aktar problemi bil-liġi. Markovic reġa’ ġie arrestat f’Awwissu ta’ din is-sena, b’rabta ma’ attentat fallut biex jisraq lil Paschalino Cefai fejn daħal b’armi tan-nar fid-dar ta’ Cefai. Cefai kien iġġieled lura u gidem u qata’ parti minn imnieħer Markovic. 

More in Qrati u Pulizija