Raġel ta’ 32 sena nżamm arrestat wara sensiela ta’ serq f’ħames xhur

Raġel mill-Maċendonja li huwa ssuspetta li ħarab mill-ħabs f’Skopje, ġie mixli fuq sensiela ta' serqiet li jammontaw għal madwar €150,000, mowbajls u laptops minn ħwienet f'diversi lokalitajiet 

Raġel mill-Maċedonja ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq flus kontanti b’valur ta’ aktar minn €150,000, mowbajls u laptops f’sensiela ta’ serqiet  f’ħames xhur minn diversi ħwienet madwar Malta. 

Gruevski Vasko, li hu mifhum li vvjaġġa lejn Malta wara li ħarab mill-ħabs fi Skopje fil-Maċedonja, tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Abigail Critien it-Tnejn wara nofsinhar. Il-prosekuturi ressqu xejn inqas minn 23 akkuża kontra r-raġel, fosthom disa’ akkuża ta’ serq u erbgħa ta’ attentat ta’ serq, kif ukoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi, iffalsifika u għamel użu minn passaport iffalsifikat, saq moped mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni u reċedività, minħabba li kellu diversi kundanni barra minn Malta.

Vasko, li kien arrestat is-Sibt wara investigazzjoni tal-pulizija dwar sensiela ta’ serqiet minn ħwienet fil-Belt Valletta, Ħal Qormi, Tas-Sliema, in-Naxxar u l-Mellieħa, deher kalm fil-Qorti qabel is-seduta, tkellem mal-interpretu tiegħu. Ma kkonfermax id-dettalji tiegħu fil-Qorti u lanqas ma ta it-talba tiegħu.

Fil-Qorti ntqal li Vasko kien akkużat b’erba’ attentati ta’ serq minn ħwienet f’Birkirkara, Ħal Tarxien, il-Marsa, u l-Gżira. Uħud mill-ħwienet ġarrbu ħsarat waqt is-serq

Il-prosekuzzjoni qalet li Vasko kien ilu jgħix Malta taħt l-isem ta’ Georgiev Ivanov u kellu dokumenti ta’ identifikazzjoni foloz b’dak l-isem.

Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.

Christopher Chircop kien l-avukat difensur tal-għajnuna legali.

L-Ispetturi tal-Pulizija Joseph Mercieca, Lydon Zammit, u Christine Delia mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

More in Qrati u Pulizija