Raġel arrestat wara li seraq valur ta' madwar €150,000 minn ħwienet

Raġel ta’ 32 sena ġie arrestat wara li allegatament sgassa u seraq minn ħwienet bejn Ġunju u Novembru f'diversi lokalitajiet 

Ġie arrestat raġel ta’ 32 sena mill-Maċedonja wara numru ta’ investigazzjonjiet relatati ma’ serq minn ħwienet bejn Ġunju u Novembru.

Matul il-lejl, ir-raġel sgassa u wettaq disa’ serqiet minn ħwienet fil-Belt Valletta, Ħal Qormi ,Tas-Sliema, in-Naxxar u l-Mellieħa.

Minn dawn il-ħwienet insterqu numru kbir ta’ mobiles u laptops, waqt li minn ħanut ieħor fin-Naxxar, insteraq ammont ta' flus kontanti. Il-valur tal-oġġetti misruqa minn dawn il-ħwienet huwa ta' madwar €150,000.

Allegatament huwa prova jisgassa ukoll ħwienet oħra f’Birkirkara, Ħal Tarxien, il-Marsa u fil-Gżira.

L-investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija wasslu biex jiġi identifikat l-allegat ħalliel u ġie arrestat is-Sibt filgħaxija f'San Ġiljan.

Huwa mistenni jitressaq il-Qorti t-Tnejn għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Abigail Critien. 

More in Qrati u Pulizija