L-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni rriżenja volontarjament skont tribunal

L-eks Kap Eżekuttiv tal-BCA, Karl Azzopardi ħaseb li se jingħata kumpens jew pożizzjoni differenti, iżda l-Ministru u Segretarju Parlamentari jisħqu li Azzopardi qas intalab jirriżenja

Tribunal industrijali, imexxi minn Harold Walls ikkonkluda li Karl Azzopardi, rriżenja volontarjament mill-pożizzjoni tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, kif ukoll li s-sena l-oħra ma’ kienx intitolat għall-kumpens skont il-kuntratt ta’ servizz li ffirma.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, it-tribunal qal li Azzopardi ħaseb li ngħata pożizzjoni differenti jew kumpens finanzjarju. Kien għalhekk li t-tribunal ordna li ż-żewġ naħat għandhom isibu soluzzjoni. Hekk soluzzjoni ma tinstabx, it-tribunal ikollu jintervjeni. 

Lura f’Mejju tal-2022, Azzopardi rriżenja wara laqgħa li kellu mal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar. Waqt l-istess laqgħa intqal kif l-Ministru Zrinzo Azzopardi esprima d-diżappunt bil-mod li kienet qed titmexxa l-awtoirtà. Azzopardi fetaħ każ mat-tribunal fejn saħaq li tkeċċa b’mod inġust u talab għal-kumpens.

Azzopardi kompla jgħid kif huwa aċċetta li jirriżenja wara li kien mwiegħed mill-Ministru u s-Segretarju Permanenti li se jingħatalu kumpens rigward il-kuntratt jew inkella jiġi trasferit. Intant il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari qalu li qasmu l-istess diżappunt bil-mod li kienet qed titmexxa l-awtorità, pero’ ċaħdu li Azzopardi ntalab jirriżenja.

Finalment qalu li kienet id-deċiżjoni ta’ Azzopardi li jirriżenja u insistew li mgħandux jingħataw ebda tip ta’ kumpens.

It-tribunal innota wkoll li fl-ittra tar-riżenja, ma kien hemm ebda refernza għal xi tip ta’ kumpens, iżda ittri elettroniċi mibgħuta lis-Segretarju Parlamentari u liċ-Chairperson tal-Kunsill, Azzopardi kiteb li waqt laqgħa li kellu mal-Ministru, huwa kien qed jistenna kumpens xieraq  skont il-kuntratt ta’ servizz u soluzzjoni jew xi soluzzjoni oħra. Aktar tard kiteb ukoll li kien qed jirriżenja mingħajr preġudizzju għal soluzzjoni jew proposta alternattiva.

More in Qrati u Pulizija