Raġel ma jinstabx ħati li tajjar tifel ta' 11-il sena

Il-Qorti kienet innutat li l-akkużat dejjem kien konsistenti fix-xhieda tiegħu, u eżamijiet forensiċi indikaw li dan l-inċident ma setax jiġi evitat

Raġel ta’ 69 sena ma nstabx ħati li tajjar tifel lura fl-2018 wara li rriżulta li t-tifel qasam għal għarrieda minn bejn il-karozzi.

Lura fl-2018, ir-raġel ġie mixli li weġġa’ gravi tifel ta’ 11-il sena waqt li kien qed isuq taxi f’Pembroke u li saq b’mod traskurat u perikoluż. It-tifel kien ittieħed l-isptar u għamel xi perjodu l-ITU fil-periklu tal-mewt.

Fil-Qorti, instema' li dakinhar daħal rapport fuq inċident li seħħet bejn karozza u persuna. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post huwa ra tifel waħdu mal-art u karozza quddiemu. Meta staqsa lix-xufier x'ġar huwa qallu li qasam għal għarrieda, minkejja li t-traffic lights kienu fl-akwati. Wara test għall-alkoħol, ix-xufier immarka li ma kienx taħt l-effett tax-xorb.

It-tifel kien xehed li qasam mis-sinjali iżda ma jiftakarx hekk għafasx id-dawl tat-traffic lights.  

Ix-xufier, li skont il-Qorti kien konsistenti fix-xhieda tiegħu, qal li l-inċident seħħ wara li qabeż it-trafic lights u li kien hemm żewġ vetturi oħra li kienu pparkjati fil-ġenb tat-triq meta t-tifel ħareġ f’daqqa waħda fit-triq.

Kawża ta’ dan it-tifel sofra minn tbenġila f’rasu, ġrieħi ħfief fuq wiċċu u rkupptejh, kif ukoll ġrieħi fil-fwied u ksur tal-pelvis.

Il-perit tekniku xehed li bejn nofs it-traffic lights u fejn waqfet il-karozza kien hemm distanza totali ta’ 12.9 metri. Huwa kompla jgħid li ma kienx hemm marki fuq it-triq tal-breaks u l-ħsara fuq il-karozza kienet moderata. Huwa xehed ukoll li x-xufier kien qed isuq  bejn 40 u 50km fis-siegħa.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qalet li minħabba nuqqas ta’ provi li t-tifel qasam minn fuq it-traffic lights, kif ukoll il-ħsara minima fuq il-vettura tax-xufier, turi li ma kienx qed isuq b’veloċità kbira. Barra minn hekk ma kienx hemm marki tal-breaks u għalhekk ma tistax teskludi li l-vittma qasam għal għarrieda minn bejn il-karozza u għalhekk l-inċident ma setax jiġi evitat.

Il-Qorti ma sabitx lix-xufier ħati u lliberatu minn kull akkuża miġjuba kontrih.

More in Qrati u Pulizija